Il-Qwienen ta’ Dort
Traduzzjoni ta’ Paul
Mizzi
Formalment Intitolati
Id-Deċiżjoni Tas-Sinodu Ta' Dort Fuq Il-Ħames Punti
Ewlenin Ta' Dottrina Disputata Fl-Olanda
L-Ewwel Punt Ewlieni
Ta' Dottrina
L-Għażla
Divina U R-Reprobazzjoni
Il-Ġudizzju Rigward
Il-Predestinazzjoni Divina Li S-Sinodu Jiddikjara Li Jaqbel Mal-Kelma
T'Alla U Milqugħ S'Issa Fil-Knejjes Riformisti ,Imqassam F'Diversi
Artikli
Artiklu 1: ID-DRITT
T'ALLA LI JIKKUNDANNA N-NIES KOLLHA
Ladarba l-bnedmin kollha
dinbu f'Adam u ġew taħt is-sentenza tas-saħta u l-mewt
eterna, Alla ma kien ikun għamel inġustizzja ma' ħadd
kieku kienet ir-rieda tiegħu li jħalli r-razza umana kollha
fid-dnub u taħt is-saħta, u jikkundannaha minħabba d-dnub.
Bħalma jgħid l-Appostlu: "Sabiex kull fomm jintebaq u d-dinja
kollha ssir kolpevoliquddiem Alla" (Rum. 3:19); "Għax
kollha dinbu u jonqsu mill-glorja t'Alla" (Rum. 3:23). U "Il-paga
tad-dnub hi l-mewt" (Rum. 6:23).
Artiklu 2: IL-MANIFESTAZZJONI
TA' L-IMĦABBA T'ALLA
Imma f'dan kienet murija
l-imħabba t'Alla, illi bagħat 'l Ibnu Uniġenitu fid-dinja,
biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja
eterna (I Ġw. 4:9; Ġw. 3:16).
Artiklu 3: IX-XANDIR
TA' L-EVANĠELJU
U biex in-nies jaslu
biex jemmnu, Alla fi ħnientu jibgħat il-messaġġiera
ta' din il-bxara mill-iżjed ħienja lil min irid u f'liema
żmien jogħġbu. Bil-ministeru tagħhom in-nies
jissejħu għall-indiema u fidi fi Kristu mislub. "Kif mela
jistgħu jsejħu lil dak li ma emmnux fih? U kif jistgħu
jemmnu f'dak li ma semgħux bih? U kif jistgħu jisimgħu
mingħajr dak li jipproklama? U kif jistgħu jipproklamaw jekk
ma jintbagħtux?" (Rum. 10:14-15).
Artiklu 4:
REAZZJONI DOPPJA GĦALL-EVANĠELJU
L-għadab t'Alla
jibqa' fuq dawk li ma jemmnux dan l-evanġelju; imma dawk li
jilqgħuh, u jħaddnu lil Ġesu’ s-Salvatur b'fidi
ġenwina u ħajja, huma meħlusa minnu mir-rabja t'Alla u
mill-qirda, u jirċievu l-għotja tal-ħajja eterna.
Artiklu 5: L-GĦEJJUN
TA' L-INKREDULITA’ U TAL-FIDI
Il-kawża jew tort
ta' dan in-nuqqas ta' twemmin, kif ukoll tad-dnubiet l-oħra kollha,
b'ebda mod ma jinsab f'Alla, iżda fil-bniedem innifsu; mill-banda
l-oħra, il-fidi f'Ġesu’ Kristu u s-salvazzjoni permezz
tiegħu hi d-don b'xejn t'Alla, bħalma hu miktub: "Bil-grazzja
intom salvati permezz tal-fidi; u din mhix minnkom infuskom, hi l-għotja
t'Alla" (Ef. 2:8). Ukoll: "Ingħatalkom gratwitment
għal Kristu, mhux biss li temmnu fih iżda wkoll tbatu
għalih" (Fil. 1:29).
Artiklu 6: ID-DEĊIŻJONI
ETERNA T'ALLA
Jerġa', il-fatt li
xi wħud matul għomorhom jirċievu l-għotja tal-fidi
mingħand Alla, u oħrajn ma jirċivuhiex, jipproċiedi
mid-digriet etern t'Alla. "Għax magħrufin għal Alla
huma l-għemejjel kollha tiegħu mill-bidu tad-dinja" (Atti
15:18). "Li jopera l-ħwejjeġ kollha skond il-għan
tar-rieda tiegħu" (Ef. 1:11). Skond din ir-riżoluzzjoni,
bil-grazzja tiegħu jrattab il-qlub, stinati kemm huma stinati,
tal-magħżulin tiegħu, u jinklinahom biex jemmnu. Imma
fil-ġudizzju ġust tiegħu jħalli lil dawk mhux
magħżula fi ħżunithom u l-ebusija ta' qalbhom. U
hawnhekk hu esibit speċjalment l-att tiegħu - profond u
ħanin daqskemm hu ġust - li jiddiskrimina bejn il-bnedmin
ugwalment involuti fir-rovina. Dan hu d-digriet ta' l-għażla u
r-reprobazzjoni, rivelat fil-Kelma t'Alla, li għalkemm in-nies
b'moħħhom pervers, impur, u instabbli jgħawwġuh
għad-destruzzjoni tagħhom infushom, madankollu
għall-erwieħ qaddisa u reverenti jipprovdi faraġ
ineffabbli.
Artiklu 7: L-GĦAŻLA
L-għażla hi l-għan
li ma jinbidilx t'Alla, li bih, qabel it-tisjis tad-dinja, sforz
il-grazzja pura tiegħu, skond l-għoġba sovrana u tajba
tar-rieda tiegħu stess, għażel mir-razza umana kollha, li
kienet waqgħet fid-dnub u l-qirda bi ħtija tagħha mill-istat
oriġinali ta' rettitudni, ċertu għadd definit ta' persuni
għall-fidwa fi Kristu, li mill-eternita’ kien ħatru
bħala l-Medjatur u r-Ras tal-magħżulin, u l-pedament
tas-salvazzjoni tagħhom.
Għalkemm minn
natura mhumiex aħjar jew jistħoqqilhom aktar mill-bqija, imma
magħhom involuti f'miżerja waħda komuni, Alla ddigrieta
li jagħti dawn il-magħżulin lil Kristu biex ikunu salvati
minnu, u effettivament isejjħilhom u jiġbidhom fil-komunjoni
tiegħu bil-Kelma u l-Ispirtu tiegħu; biex jagħtihom fidi
vera, biex jiġġustifikahom, u biex iqaddishom; u wara li jkun
bis-setgħa priżervahom fix-xirka ta' Ibnu, finalment
jigglorifikahom biex jesibixxi l-ħniena tiegħu,
ugħat-tifħir ta' l-għana tal-grazzja glorjuża
tiegħu, kif inhu miktub: "Bħalma għażilna fih
qabel il-pedament tad-dinja ħalli nkunu qaddisin u bla difett
quddiemu, fl-imħabba ppredestinana għall-adozzjoni permezz ta'
Ġesu’ Kristu għalih innifsu, skond l-għoġba tar-rieda
tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,
li biha ffavoriena fil-Maħbub" (Ef. 1:4-6). U band' oħra:
"Lil min ippredestina, lil dawn ukoll sejjaħ; u lil min
sejjaħ, lil dawn ukoll iġġustifika; u lil min
iġġustifika, lil dawn ukoll igglorifika" (Rum. 8:30).
Artiklu 8:
DEĊIŻJONI WAĦDA TA' L-GĦAŻLA
Ma jeżistux diversi
digrieti ta' l-għażla, imma digriet wieħed biss rigward
dawk kollha li għandhom ikunu salvati kemm fil-Patt il-Qadim kif
ukoll fil-Ġdid. Għax l-Iskrittura tiddikjara li l-għoġba
tajba, l-għan, u l-fehma tar-rieda divina huma wieħed, u skond
dan għażilna mill-eternita’, kemm għall-grazzja kif
ukoll għall-glorja, kemm għas-salvazzjoni kif ukoll
għall-mogħdija tas-salvazzjoni, li hu ħejja minn qabel
biex nimxu fiha.
Artiklu 9: L-GĦAŻLA
MHIX IBBAŻATA FUQ IL-FIDI LI ALLA RA MINN QABEL
Din l-għażla
ma kinitx imsejjsa fuq il-fidi prevista, lanqas fuq l-ubbidjenza li
tiġi mill-fidi, jew fuq il-qdusija, jew kwalunkwe kwalita’ jew
dispożizzjoni tajba, bħala l-kawża jew kondizzjoni
prerekwiżita fil-persuna li kellha tkun magħżula; imma hi
għażla għall-fidi, u l-ubbidjenza tal-fidi,
għall-qdusija, u l-bqija. Għaldaqstant l-għażla hi
l-għajn ta' kull benefiċċju salviviku. Il-fidi,
il-qdusija, u l-għotjiet l-oħra tas-salvazzjoni, u finalment
il-ħajja eterna nfisha, inixxu mill-għażla bħala l-frott
u l-effetti tagħha. Bħalma jgħid l-Appostlu: "Għażilna
fih (mhux għax konna, iżda) ħalli nkunu qaddisin u bla
difett quddiemu, fl-imħabba ppredestinana" (Ef. 1:4).
Artiklu 10: L-GĦAŻLA
BBAŻATA FUQ L-GĦOĠBA TAJBA T'ALLA
Tabilħaqq, l-għoġba
tajba t'Alla hi l-unika kawża ta' din l-għażla bla
mistħoqqa; ma tikkonsistix filli Alla, billi jara minn qabel
il-kwalitajiet kollha possibbli u l-azzjonijiet umani, għażel
xi wħud minn dawn bħala kondizzjoni għas-salvazzjoni;
imma li għoġbu jadotta ċerti persuni bħala poplu
pekuljari għalih innifsu mill-massa komuni ta' midinbin.
Bħalma nsibu fl-Iskrittura: "Għax it-tewmin kienu
għadhom ma twildux u lanqas jipprattikaw xi ħaġa tajba
jew ħażina, sabiex il-proponiment t'Alla skond l-għażla
jibqa', mhux mill-opri iżda minn dak li jsejjaħ, intqalilha,
'Il-kbir se jaqdi ż-żgħir;' eżattament kif inhu
miktub: 'Ħabbejt lil Ġakobb, imma bgħadt lil
Għeżaw'" (Rum. 9:11-13). Ukoll: "Dawk kollha
maħturin għall-ħajja eterna emmnu" (Atti 13:48).
Artiklu 11: L-GĦAŻLA
HI IMMUTABBLI
U bħalma Alla
nnifsu hu l-aktar għaref, ma jinbidilx, jaf kollox, u jista' kollox,
hekk l-għażla magħmula minnu la tista' tkun interrotta u
lanqas mibdula, la revokata u lanqas annullata; u lanqas jistgħu l-maħturin
ikunu mormija, jew l-għadd tagħhom jonqos.
Artiklu 12: L-ASSIGURAZZJONI
TA' L-GĦAŻLA
Il-magħżulin
t'Alla, fiż-żmien imwaqqat minnu, għalkemm fi gradi
diversi u f'miżuri differenti, jottienu l-assigurazzjoni ta' din l-għażla
eterna u immutabbli tagħhom, mhux billi jindaħlu b'mod
inkwiżittiv fil-ħwejjeġ sigrieti u fondi t'Alla, imma
billi josservaw fihom infushom, b'ferħ spiritwali u għaxqa
qaddisa, il-frottijiet infallibbli ta' l-għażla kif murija
fil-Kelma t'Alla - bħalma huma fidi vera fi Kristu, biża'
reverenti bħal tat-tfal lejn Alla, swied il-qalb kif irid Alla
għad-dnub, tiġwiħ u għatx għall-ġustizzja,
u l-bqija.
Artiklu 13: IL-FROTT
TA' DIN L-ASSIGURAZZJONI
Is-sens u ċ-ċertezza
ta' din l-għażla jaffordjaw lil ulied Alla raġun
addizzjonali biex jumiljaw lilhom infushom kuljum quddiemu, jaduraw l-għammieq
tal-ħniniet tiegħu, jippurifikaw lilhom infushom, u
jirreċiprokaw b'imħabba ardenti lejn Alla li ħabbhom l-ewwel
b'imħabba hekk kbira. Il-konsiderazzjoni ta' din id-dottrina ta' l-għażla
u r-riflessjoni fuqha b'ebda mod ma tagħmel lil ulied Alla laxki
fl-osservanza tal-kmandamenti divini jew inkella tħajjarhom
jegħrqu f'sigurta’ karnali. Fil-ġudizzju ġust t'Alla
dawn is-soltu huma l-effetti ta' preżunzjoni bla kont jew
tbagħbis imqareb u ardit mal-grazzja ta' l-għażla, f'dawk
li jirrifjutaw li jimxu fil-mogħdijiet tal-magħżulin.
Artiklu 14: IX-XANDIR
XIERAQ TA' L-GĦAŻLA
Bħalma d-dottrina
ta' l-għażla divina skond il-fehma l-iżjed għarfa
t'Alla kienet dikjarata mill-profeti, minn Kristu nnifsu, u mill-appostli,
u hi rivelati ċar fl-Iskritturi kemm tal-Patt il-Qadim kif ukoll
tal-Ġdid, hekk għandha tibqa' tkun mgħallma f'ħinha
u f'postha fil-knisja t'Alla, li għaliha kienet speċifikament
intenzjonata - b'reverenza, bi spirtu ta' diskrezzjoni u qima,
għas-sebħ ta' l-isem l-aktar qaddis t'Alla, u
għall-faraġ ħaj ta' niesu, mingħajr ebda attentat
fieragħ li jkunu investigati l-mogħdijiet sigrieti ta' l-Ogħla
(Atti 20:27).
Artiklu 15:
IR-REPROBAZZJONI
Barra minn hekk, it-testimonjanza
espliċita ta' l-Iskrittura sagra tissokta b'mod partikolari biex
tillustra u tirrikmandalna l-grazzja eterna u mhix meritata ta' l-għażla,
fil-fatt li mhux il-bnedmin kollha huma magħżula, iżda xi
wħud mhumiex magħżula, jew huma mwarrba fl-għażla
eterna t'Alla. Bl-għoġba tajba u sovrana, l-iżjed
ġusta, irreprensibbli u immutabbli tiegħu, Alla ddigrieta li
jħallihom fil-miżerja komuni li fiha għarrqu lilhom
infushom ħtija tagħhom, u ma jagħnihomx bil-grazzja
tal-fidi salvivika u l-konverżjoni; imma huma mitluqa fi triqathom
u taħt il-ġudizzju ġust tiegħu; finalment, sabiex
jiddikjara l-ħaqq tiegħu, jikkundannahom u jikkastigahom
għall-eternita’, mhux biss minħabba l-inkredulita’
tagħhom, imma wkoll għal dnubiethom l-oħra kollha. U dan
hu d-digriet tar-reprobazzjoni li b'ebda mod ma jagħmel 'l Alla l-awtur
tad-dnub (l-istess ħsieb huwa dagħwa), imma jiddikjarah
bħala mħallef u vendikatur tal-biża', irreprensibbli u
ġust, tad-dnub.
Artiklu 16:
REAZZJONIJIET GĦAT-TAGĦLIM TAR-REPROBAZZJONI
Dawk li għadhom
m'esperjenzawx fidi ħajja fi Kristu, konfidenza assigurata fir-ruħ,
sliem fil-kuxjenza, tħabrik imħeġġeġ
għall-ubbidjenza bħal tat-tfal, u ftaħir f'Alla permezz
ta' Kristu, maħduma fihom effettivament, u madankollu jippersistu
fl-użu tal-mezzi li Alla ħatar biex jaħdem dawn
il-grazzji fina, m'għandhomx għalfejn ikunu allarmati kif
jisimgħu bir-reprobazzjoni, u lanqas jgħoddu lilhom infushom
fost ir-reprobati. Aktarx għandhom jipperseveraw bi bżulija
fl-użu tal-mezzi, u b'desiderji ardenti, b'devozzjoni u umilta’,
jistennew staġun ta' grazzja iżjed abbondanti. Wisq inqas
raġun għandhom ikunu mwerwra bid-dottrina tar-reprobazzjoni,
li għalkemm jixtiequ bis-serjeta’ li jiddawwru lejn Alla,
jogħġbu lilu waħdu, u jkunu meħlusa mill-ġisem
tal-mewt, ma jistgħux għalissa jilħqu dik il-miżura
ta' qdusija u fidi li jaspiraw għaliha, peress li Alla ħanin
wiegħed li ftila ddaħħan ma jitfihiex, u lanqas jikser
qasba mġelġla. Imma din id-dottrina hi ġustament
terribbli għal dawk li jinsew 'l Alla u s-Salvatur Ġesu’
Kristu, u abbandunaw lilhom infushom għat-tħassib tad-dinja u
l-pjaċir tal-laħam, sakemm jibqgħu ma jikkonvertux
serjament lejn Alla.
Artiklu 17: IS-SALVAZZJONI
TAT-TRABI TAL-FIDILI
Ladarba jmissna
nagħmlu ġudizzju dwar ir-rieda t'Alla mill-Kelma tiegħu,
li tixhed li wlied il-fidili huma qaddisa, mhux minn natura, imma
minħabba l-patt tal-grazzja, li fih huma flimkien mal-ġenituri
tagħhom huma miġbura, ġenituri twajba m'għandhomx
għalfejn jiddubitaw l-għażla u s-salvazzjoni ta' wliedhom
li Alla jogħġbu jsejjħilhom minn din il-ħajja fl-infanzja.
Artiklu 18: L-ATTITUDNI
XIERQA LEJN L-GĦAŻLA U R-REPROBAZZJONI
Dawk li jilmentaw dwar
il-grazzja ta' l-għażla ħielsa, u s-severita’ tar-reprobazzjoni
ġusta, inweġbuhom bi kliem l-Appostlu: "O bniedem, int
min int li tirrispondi kontra Alla?" (Rum. 9:20), u nikkwotaw ukoll
lis-Salvatur tagħna: "Ewwilla mhux permess għalija
nagħmel li rrid bi ħwejġi?" (Mt. 20:15). U
għalhekk b'adorazzjoni qaddisa għal dawn il-misteri, nesklamaw
ma' l-Appostlu: "O l-fond ta' l-għana u ta' l-għerf u
tat-tagħrif t'Alla; kemm huma inskrutabbli l-ġudizzji
tiegħu u intraċċabbli triqatu! Għax min kien jaf
moħħ is-Sid? Jew min sar konsulent tiegħu? Jew min tah
minn qabel, u se jkun irrikumpensat lilu? Għax minnu u permezz
tiegħu u għalih huma l-ħwejjeġ kollha; lilu l-glorja
għal dejjem: Amen" (Rum. 11:33-36).
Rifjutar Ta' L-Erruri
Wara li fissirna d-dottrina
ortodossa dwar l-Għażla u r-Reprobazzjoni, aħna
bħala Sinodu:
I
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li r-rieda t'Alla li jsalva 'l dawk li kellhom
jemmnu u jipperseveraw fil-fidi u fl-ubbidjenza tal-fidi, hu d-digriet
ta' l-għażla għas-salvazzjoni, sħiħ u intier, u
li xejn iżjed rigward dan id-digriet mhu rivelat fil-Kelma t'Alla.
Għax dawn iqarrqu
b'nies sempliċi u jikkontradixxu l-Iskritturi fil-beraħ, li
jiddikjaraw li Alla mhux biss isalva 'l dawk li jemmnu, imma wkoll li
mill-eternita’ għażel ċerti persuni partikolari li
lilhom, aktarx milli lill-oħrajn, fiż-żmien
jagħtihom kemm il-fidi fi Kristu u l-perseveranza; kif inhu miktub:
"Immanifestajt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja" (Ġw.
17:6). "Dawk kollha maħturin għall-ħajja ta' dejjem
emmnu" (Atti 13:48). U: "Bħalma għażilna fih
qabel il-pedament tad-dinja, ħalli nkunu qaddisin u bla difett
quddiemu, fl-imħabba ppredestinana" (Ef. 1:4).
II
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li hemm diversi xorta ta' l-għażla
t'Alla għall-ħajja eterna: waħda ġenerali u
indefinita, l-oħra partikolari u definita; u li din ta' l-aħħar
jerġa' hi inkompluta, revokabbli, non-deċiżiva u
kondizzjonali, jew inkella kompluta, irrevokabbli, deċiżiva u
assoluta. Jerġa' wkoll, li jgħallmu li hemm għażla
waħda għall-fidi, u oħra għas-salvazzjoni, hekk li
l-għażla tista' tkun għall-fidi li tiġġustifika,
mingħajr ma tkun għażla deċiżiva
għas-salvazzjoni.
Għax dan hu
stħajjil tal-moħħ uman, ivvintat apparti mill-Iskritturi,
li bih id-dottrina ta' l-għażla hi mħassra, u taqta' l-katina
dehbija tas-salvazzjoni tagħna: "Lil min ippredestina, lil
dawn ukoll sejjaħ; u lil min sejjaħ, lil dawn ukoll
iġġustifika; u lil min iġġustifika, lil dawn ukoll
igglorifika" (Rum. 8:30).
III
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-għoġba tajba u l-għan
t'Alla, li l-Iskrittura ssemmi fid-dottrina tagħha dwar l-għażla,
ma tikkonsistix filli Alla jagħżel ċerti individwi aktarx
milli oħrajn, imma filli għażel, mill-kondizzjonijiet
kollha possibbli (li fosthom hemm ukoll l-għemejjel tal-liġi),
jew mill-ordni sħiħ tal-ħwejjeġ, l-att tal-fidi li
minn natura tiegħu stess hu bla mertu, kif ukoll l-ubbidjenza
imperfetta tiegħu, bħala kondizzjoni tas-salvazzjoni; u
tinvolvi wkoll li bi grazzja jikkonsidra dan fih innifsu bħala
ubbidjenza kompluta u jgħoddha bħala denja tal-premju
tal-ħajja eterna.
Għax b'dan l-errur
inġurjuż l-għoġba t'Alla u l-merti ta' Kristu jisfaw
bla effett, u n-nies jinġibdu 'l hemm bi kwistjonijiet bla siwi
mill-verita’ ta' ġustifikazzjoni mhix mistħoqqa u
mis-sempliċita’ ta' l-Iskrittura. Barra minn hekk titgiddeb id-dikjarazzjoni
ta' l-Appostlu: "(Alla) salvana u sejħilna b'sejħa
qaddisa, mhux skond l-għemejjel tagħna iżda skond
il-proponiment u l-grazzja tiegħu stess, mogħtija lilna fi
Kristu Ġesu’ qabel il-bidu taż-żminijiet" (II Tim.
1:9).
IV
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li fl-għażla għall-fidi hemm
din il-kondizzjoni prerekwiżita, jiġifieri, li l-bniedem irid
juża sewwa d-dawl tan-natura, juri reverenza, umilta’,
manswetudini, u jkun dispost għall-ħajja eterna,
bħallikieku l-għażla b'xi mod jew ieħor tiddependi
fuq dawn il-fatturi.
Għax dan
itiegħem bħat-tagħlim ta' Pelagius, u jinsab
f'oppożizzjoni għad-dottrina ta' l-Appostlu, fejn jikteb:
"Li fosthom ukoll aħna lkoll ġibna ruħna darba
fil-leblibiet ta' laħamna, nagħmlu x-xewqat tal-laħam u
tal-fehmiet, u konna minn natura tfal tar-rabja wkoll bħall-bqija;
imma Alla li hu għani fil-ħniena, sforz l-imħabba kbira
tiegħu li biha ħabbna, saħansitra meta konna mejtin fl-offiżi
għajjixna flimkien mal-Kristu, - bil-grazzja intom salvati, - u
qajjimna flimkien u poġġiena flimkien fis-smewwiet fi Kristu
Ġesu’, sabiex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana
eċċessiva tal-grazzja tiegħu fil-beninnita’ lejnna fi
Kristu Ġesu’. Għax bil-grazzja intom salvati permezz
tal-fidi; u din mhix minnkom infuskom, hi l-għotja t'Alla; mhux
mill-għemejjel, sabiex ħadd ma jiftaħar" (Ef.
2:3-9).
V
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-għażla inkompluta u
nonperentorja ta' persuni partikolari għas-salvazzjoni
seħħet minħabba fidi prevista, jew konverżjoni,
qdusija, tjieba, li bdew jew issoktaw għal xi żmien; imma li
l-għażla kompluta u perentorja seħħet minħabba
perseveranza prevista sa l-aħħar fil-fidi, jew minħabba
konverżjoni, qdusija u tjieba; u li dan hu d-den evanġeliku u
ta' grazzja, li minħabba fih dak magħżul, hu iżjed
denju minn dak mhux magħżul; u li allura l-fidi, l-ubbidjenza
tal-fidi, il-qdusija, it-tjieba u l-perseveranza mhumiex frottijiet ta'
l-għażla immutabbli għall-glorja, imma huma
kondizzjonijiet, li, billi huma rikjesti minn qabel, kienu previsti li
ntlaħqu minn dawk li għandhom ikunu magħżula
għalkollox, u huma kawżi li mingħajrhom l-għażla
immutabbli għall-glorja ma sseħħx.
Dan jikkumbatti kontra
l-Iskrittura kollha, li kostantement ittambar fuq widnejna u qlubna dawn
id-dikjarazzjonijiet u oħrajn simili: L-għażla mhix mill-opri,
imma minn dak li jsejjaħ (Rum. 9:11-12). "Dawk kollha
maħturin għall-ħajja ta' dejjem emmnu" (Atti 13:48).
"Għażilna fih qabel il-pedament tad-dinja, ħalli
nkunu qaddisin" (Ef. 1:4). "Mhux intom għażiltuni,
iżda jien għażiltkom" (Ġw. 15:16). "Jekk
bi grazzja, mhux iżjed mill-għemejjel" (Rum.11:6). "F'dan
hi l-imħabba, mhux illi aħna ħabbejna 'l Alla, iżda
illi hu ħabbna u bagħat 'l Ibnu" (I Ġw. 4:10).
VI
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li mhux kull għażla
għas-salvazzjoni hi immutabbli, imma li xi wħud mill-magħżulin,
bla ebda digriet t'Alla biex jipprevieni dan, jistgħu xorta
waħda jintilfu u difatti jintilfu eternament.
B'dan l-errur faħxi
jagħmlu 'l Alla mutabbli, jeqirdu l-faraġ li t-tajbin jottienu
mill-fermezza ta' l-għażla tagħhom, u jikkontradixxu l-Iskrittura
Mqaddsa, li tgħallem li l-maħturin ma jistgħux ikunu
mqarrqa (Mt. 24:24); li Kristu ma jitlifx lil dawk li l-Missier tah (Ġw.
6:39); u li Alla gglorifika wkoll lil dawk li ppredestina, sejjaħ,
u ġġustifika (Rum. 8:30).
VII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li f'din il-ħajja m'hemm ebda frott jew
tagħrif konxju ta' l-għażla immutabbli għall-glorja,
u lanqas ebda ċertezza, ħlief dik li tiddependi fuq
kondizzjoni mutabbli u kontinġenti.
Għax mhux biss hi
ħaġa assurda titkellem dwar ċertezza inċerta, imma
wkoll kuntrarju għall-esperjenza tal-qaddisin, li minħabba li
huma konxji ta' l-għażla tagħhom jifirħu ma' l-Appostlu
u jfaħħru dan il-favur t'Alla (Ef. 1); li skond l-eżortazzjoni
ta' Kristu jithennew mad-dixxipli tiegħu li ismijiethom huma
miktuba fis-smewwiet (Lq. 10:20); li wkoll iqiegħdu l-għarfien
ta' l-għażla tagħhom kontra l-vleġeġ
jaħarqu tax-xitan, billi jistaqsu: "Min se jixli xi
ħaġa kontra l-magħżulin t'Alla?" (Rum. 8:33).
VIII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li ma kienx fuq il-bażi tar-rieda
ġusta tiegħu waħidha li Alla ddeċieda li jħalli
lil xi ħadd fil-waqgħa ta' Adam u fl-istat komuni tad-dnub u
kundanna jew li jaqbeż lil xi ħadd fil-komunikazzjoni
tal-grazzja meħtieġa għall-fidi u l-konverżjoni.
Għax din il-verita’
hi stabbilita: "Hekk mela jħenn għal min irid, imma lil
min irid iwebbes" (Rum. 9:18). Kif ukoll din: "Lilkom hu
mogħti li tkunu tafu l-misterji tas-saltna tas-smewwiet, imma lil
dawk mhux mogħti" (Mt. 13:11). Bl-istess mod: "Niżżik
ħajr, Missier, Sid is-sema u l-art, għax ħbejt dawn
il-ħwejjeġ mill-għorrief u l-intelliġenti, u
rrivelajthom lill-infantili; iva, Missier, għax hekk kienet l-għoġba
quddiemek" (Mt. 11:25-26).
IX
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li r-raġuni għala Alla jibgħat
l-evanġelju lit-tali ġens aktarx milli lill-ieħor ma
tinstabx sempliċament u unikament fl-għoġba tajba t'Alla,
imma aktarx fil-fatt li nazzjon wieħed hu aħjar u aktar denju
mill-ieħor li l-evanġelju jibqa' mhux komunikat lilu.
Għax Mose’
jikkontradixxi dan meta jindirizza l-poplu ta' Iżrael kif ġej:
"Ara, is-sema, u s-sema tas-smewwiet, huma tal-Mulej, Alla
tiegħek, u l-art ukoll, b'kulma fiha; madankollu, il-Mulej
inġibed biss għal missirijietek, u ħabbhom; u
għażel nisilhom warajhom, intom fuq il-popli kollha,
bħalma hu llum" (Dewt. 10:14-15). Kif ukoll Kristu: "Gwaj
għalik, Korażin; gwaj għalik, Betsajda; għax kieku
saru s-setgħat f'Tir u Sidon li saru fikom, ilhom li nidmu
bix-xoqqa tax-xkora u l-irmied" (Mt. 11:21).
It-Tieni Punt Ewlieni
Ta' Dottrina
Il-Mewt Ta' Kristu U L-Fidwa
Tal-Bniedem Biha
Artiklu 1: IL-KASTIG
LI L-ĠUSTIZZJA T'ALLA TIRREKJIEDI
Alla mhux biss hu
supremament ħanin, imma wkoll supremament ġust. U l-ġustizzja
tiegħu tirrekjiedi (kif irrevela lilu nnifsu fil-Kelma) illi
dnubietna magħmula kontra l-majesta’ infinita tiegħu jkunu
kkastigati mhux biss b'kastig temporali iżda wkoll etern, kemm
fil-ġisem u r-ruħ. U ma nistgħux naħarbuh jekk
kemm-il darba ma jsirx sodisfazzjon għall-ġustizzja t'Alla.
Artiklu 2: IS-SODISFAZZJON
MAGĦMUL MINN KRISTU
Ladarba, allura,
m'aħniex kapaċi nagħmlu dan is-sodisfazzjon fil-persuni
tagħna, u lanqas neħilsu lilna nfusna mill-għadab t'Alla,
fil-ħniena bla qies tiegħu tana 'l Ibnu Uniġenitu
bħala Pleġġ, li kien magħmul dnub, u sar saħta
għalina u minflokna fuq is-salib, biex jagħti sodisfazzjon
f'isimna lill-ġustizzja divina.
Artiklu 3: IL-VALUR
INFINIT TAL-MEWT TA' KRISTU
Il-mewt ta' Bin Alla hi
l-uniku sagrifiċċju u sodisfazzjon perfettissmu għad-dnub;
hi ta' siwi u valur infinit, abbondantament suffiċjenti biex iservi
ta' espjazzjoni għad-dnubiet tad-dinja kollha.
Artiklu 4:
RAĠUNIJIET GĦAL DAN IL-VALUR INFINIT
Din il-mewt tidderivi l-valur
infinit u d-dinjita’ tagħha minn dawn il-konsiderazzjonijiet:
għax il-persuna li ssottmettiet għaliha mhux biss kien bniedem
reali u perfettament qaddis, imma wkoll l-Iben Uniġenitu t'Alla, ta'
l-istess essenza eterna u infinita mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu,
liema kwalifiki kienu neċessarji biex jikkostitwuh Salvatur
għalina; u għax mewtu kienet akkumpanjata bl-esperjenza
tal-korla u s-saħta t'Alla mistħoqqa lilna minħabba d-dnub.
Artiklu 5: IL-MANDAT
BIEX L-EVANĠELJU JKUN PROKLAMAT
Barra minn hekk,
il-wegħda ta' l-evanġelju hi li kull min jemmen fi Kristu
msallab ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna. Din
il-wegħda, flimkien mal-kmand biex nindmu u nemmnu, għandha
tkun dikjarata u annunzjata lill-ġnus kollha, u lin-nies kollha bla
distinzjoni jew diskriminazzjoni, li Alla skond l-għoġba tajba
tiegħu jibgħatilhom l-evanġelju.
Artiklu 6: L-INKREDULITA’
HI R-RESPONSABBILTA’ TAL-BNIEDEM
Madankollu, il-fatt li
ħafna msejjħa permezz ta' l-evanġelju jibqgħu ma
jindmux u lanqas jemmnu fi Kristu, iżda aktarx jintilfu fin-nuqqas
ta' twemmin, ma jirriżultax għax is-sagrifiċċju ta'
Kristu offrut fuq is-salib hu defiċjenti jew insuffiċjenti.
Huma nfushom jaħtu għal dan esklussivament.
Artiklu 7: IL-FIDI
HI L-GĦOTJA T'ALLA
Imma dawk kollha li
ġenwinament jemmnu u huma lliberati u salvati bil-mewt ta' Kristu
minn dnubiethom u mid-destruzzjoni, dan il-benefiċċju
jiġrilhom biss mill-grazzja t'Alla, li mhu midjun ma' ħadd,
mogħti lilhom fi Kristu mill-eternita’.
Artiklu 8: L-EFFETTIVITA’
SALVIVIKA TAL-MEWT TA' KRISTU
Għax dan kien
il-kunsill sovran u r-rieda l-iżjed grazzjuża u l-intenzjoni
t'Alla l-Missier, li l-effikaċja salvivika tal-mewt l-aktar
prezzjuża t'Ibnu, li tagħti l-ħajja, kellha testendi
għall-magħżulin kollha, biex jagħti lilhom biss
id-don tal-fidi li tiġġustifika, u hekk iwassalhom
infallibbilment għas-salvazzjoni. Fi kliem ieħor, kienet
ir-rieda t'Alla, li Kristu bid-demm tas-salib, li bih ikkonferma l-patt
il-ġdid, kellu effettivament jifdi minn kull poplu, tribu’,
nazzjon, u lsien, dawk kollha, u dawk biss, li mill-eternita’ kienu
magħżulin għas-salvazzjoni, u mogħtija lilu mill-Missier;
li kellu jagħtihom il-fidi, li flimkien ma' l-għotjiet
salviviċi l-oħra kollha ta' l-Ispirtu s-Santu, xtara
għalihom b'mewtu; li kellu jnaddafhom minn dnubiethom kollha,
oriġinali u attwali, sew jekk magħmulin qabel jew wara li
jemmnu; li kellu fedelment jippriżervahom sat-tmiem; u li finalment
kellu jippreżentahom għalih innifsu ħielsa minn kull
tebgħa u difett fit-tgawdija tal-glorja għal dejjem.
Artiklu 9: IT-TWETTIQ
TAL-PJAN T'ALLA
Dan l-għan, li
jipproċiedi mill-imħabba dejjiema lejn il-magħżulin,
mill-bidu tad-dinja sal-lum kien imwettaq bil-qawwa, u jibqa' jitwettaq
fil-ġejjieni, bix-xtiebi ta' Ħades jopponu ineffettivament.
Bħala riżultat il-magħżulin jinġabru flimkien
ħaġa waħda, kull wieħed fiż-żmien imwaqqat,
u qatt ma jkun hawn nieqsa knisja komposta mill-fidili, imsejjsa fid-demm
ta' Kristu, li konsistentament tħobb, u persistentament taqdih
bħala s-Salvatur tagħha, li bħala għarus
għall-għarusa tiegħu, ta ħajtu fuq is-salib
għaliha, u li tkompli tiċċelebra t-tifħir
tiegħu hawn u matul l-eternita’ kollha.
Rifjutar Ta' L-Erruri
Wara li fissirna d-dottrina
ortodossa, aħna bħala Sinodu:
I
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Alla l-Missier ħatar lil Ibnu
għall-mewt fuq is-salib mingħajr digriet fiss u definit biex
isalva ċerti nies, hekk li n-neċessita’, l-utilita’ u
s-siwi ta' dak li mmerita Kristu b'mewtu seta' eżista, u seta'
jibqa' fil-partijiet kollha tiegħu komplut, perfett u intatt, imqar
kieku l-fidwa meritata qatt ma kienet fil-fatt applikata lil xi
individwu.
Għax din l-asserzjoni
hija insult għall-għerf t'Alla l-Missier u l-merti ta'
Ġesu’ Kristu, u kuntrarja għall-Iskrittura. Għax
il-Feddej tagħna jitkellem hekk: "Nagħti ħajti
għan-nagħaġ, u nafhom" (Ġw. 10:15, 27). U
Isaija l-profeta jgħid rigward is-Salvatur: "Wara li
jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju għad-dnub,
jara n-nisel tiegħu, u jtawwal il-jiem tiegħu; u dak li
jogħġob lill-Mulej ikollu r-risq f'idu" (Isa. 53:10).
Finalment, dan jimmina l-artiklu tal-kredu li fih nistqarru x'nemmnu
dwar il-Knisja kristjana universali.
II
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li ma kienx l-għan tal-mewt ta' Kristu li
attwalment jikkonferma l-patt il-ġdid tal-grazzja permezz ta' demmu,
imma biss li jakkwista għall-Missier is-sempliċi dritt li
jistabbilixxi mal-bniedem it-tali patt kif jogħġbu, ta'
grazzja jew inkella ta' l-opri.
Għax dan hu
konfliġġenti ma' l-Iskrittura, li tgħallem li "Ġesu’
sar il-pleġġatur ta' patt aħjar" (Ebrej 7:22; 9:15),
jiġifieri patt ġdid; u li "patt fuq il-mejtin hu ferm,
ġaladarba qatt ma jgħodd meta għadu jgħix dak li
jippattja" (Ebrej 9:17).
III
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Kristu, bis-sodisfazzjon tiegħu la
mmerita ċertament is-salvazzjoni nfisha għal xi ħadd, u
lanqas il-fidi li biha dan is-sodisfazzjon ta' Kristu
għas-salvazzjoni hu effettivament applikat; imma li mmerita biss
għall-Missier l-awtorita’ jew ir-rieda plenarja li jerġa'
jittratta mal-bniedem, u jippreskrivi kondizzjonijiet ġodda skond
kif jixtieq. Madankollu t-twettiq tagħhom kien jiddependi fuq
ir-rieda ħielsa tal-bniedem, hekk li kien possibbli li ħadd
jew kulħadd seta' jwettaqhom.
Għax dawn jistmaw
il-mewt ta' Kristu fil-baxx wisq, b'ebda mod ma jagħrfu l-frott l-iżjed
importanti jew benefiċċju miksub biha, u
jreġġgħu lura mill-infern l-errur Pelaġjan.
IV
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li dak li kien involut fil-patt il-ġdid
tal-grazzja, li Alla l-Missier għamel mal-bniedem bil-medjazzjoni
tal-mewt ta' Kristu, mhuwiex illi aħna ġustifikati quddiem
Alla u salvati permezz tal-fidi, billi tilqa' l-merti ta' Kristu, imma
aktarx illi Alla, billi rrevoka d-domanda tiegħu għal
ubbidjenza perfetta lejn il-liġi, jistma l-fidi nfisha, u l-ubbidjenza
imperfetta tal-fidi, bħala ubbidjenza perfetta għal-liġi,
u bi grazzja jgħoddha denja tal-premju tal-ħajja eterna.
Għax dawn
jeħduha kontra l-Iskritturi: "Li huma ġġustifikati
gratwitment bil-grazzja tiegħu permezz tal-fidwa sħiħa fi
Kristu Ġesu’; li Alla esebixxa bħala propizjatorju permezz
tal-fidi f'demmu" (Rum. 3:24-25). U bħalma għamel
Soċinju l-ħażin, dawn jintroduċu
ġustifikazzjoni ġdida u barranija tal-bniedem quddiem Alla,
kontra l-kunsens tal-knisja kollha.
V
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-bnedmin kollha huma milqugħa fl-istat
ta' rikonċiljazzjoni u fil-grazzja tal-patt, hekk li ħadd mhu
denju tal-kundanna minħabba d-dnub oriġinali, u li ħadd
mhu se jkun ikkundannat minħabba fih, imma li kulħadd huwa
ħieles mill-ħtija tad-dnub oriġinali.
Għax din l-opinjoni
ma taqbilx ma' l-Iskrittura li tisħaq li aħna minn natura
wlied il-għadab (Ef. 2:3).
VI
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jużaw id-distinzjoni bejn l-immeritar u l-applikazzjoni
biex iħawwlu fl-imħuħ bla kawtiela u bla esperjenza din
l-opinjoni, li Alla, daqskemm jiġi minnu, jixtieq jagħti
ugwalment lill-bnedmin kollha l-benefiċċji maqlugħa
bil-mewt ta' Kristu; imma li d-differenza li biha xi wħud aktarx
milli l-oħrajn jaslu biex jottienu l-maħfra tad-dnub u l-ħajja
eterna tiddependi fuq ir-rieda ħielsa tagħhom, li
tgħaqqad lilha nfisha mal-grazzja offruta mingħajr
eċċezzjoni, u ma tiddependix fuq l-għotja unika
tal-ħniena li effettivament topera fihom, biex hekk huma, aktarx
milli l-oħrajn, japplikaw din il-grazzja għalihom infushom.
Għax, filwaqt li
jippretendu li qed jippreżentaw din id-distinzjoni f'sens
aċċettabbli, ifittxu jbellgħu lin-nies il-valenu qerried
tal-Pelaġjaniżmu.
VII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Kristu ma setax imut, ma kellux
għalfejn imut, u lanqas miet għal dawk li Alla ħabb fl-ogħla
grad u għażilhom għall-ħajja eterna, billi dawk
m'għandhomx bżonn il-mewt ta' Kristu.
Għax jikkontradixxu
lill-Appostlu, li jiddikjara: "L-Iben t'Alla ħabbni u
reħa lilu nnifsu għalija" (Gal. 2:20). L-istess:
"Min se jixli xi ħaġa kontra l-magħżulin t'Alla?
Alla hu li jiġġustifika; min hu li jikkundanna? Kristu
Ġesu’ li miet" (Rum.8:33-34), jiġifieri għalihom.
U jgiddbu lis-Salvatur: "Ħajti nagħti
għan-nagħaġ" (Ġw.10:15). U: "Dan hu l-kmandament
tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.
Imħabba ikbar minn din ħadd ma għandu, li wieħed
jagħti ħajtu għal ħbiebu" (Ġw. 15:12-13).
It-Tielet U R-Raba'
Punti Ewlenin Ta' Dottrina
Il-Korruzzjoni
Tal-Bniedem,Il-Konverżjoni Tiegħu Lejn Alla,U Kif
Isseħħ
Artiklu 1: L-EFFETT
TAL-WAQA' FUQ IN-NATURA UMANA
Il-bniedem mill-bidu,
skond ix-xbieha t'Alla, kien imħawwar b'tagħrif veru u
salutari tal-Ħallieq tiegħu, u ħwejjeġ spiritwali
f'moħħu, u b'ġustizzja fir-rieda u l-qalb; u l-affezzjonijiet
kollha tiegħu safja: u hekk kien kompletamentqaddis. Madankollu,
malli xxewwex kontra Alla bl-istigazzjoni tax-xitan u bir-rieda
ħielsa tiegħu, ippriva lilu nnifsu minn dawn l-għotjiet
eċċellenti; u għall-kuntrarju ġab fuqu nnifsu
għama, dalma orribbli, frugħa, u tgħawwiġ
tal-ġudizzju f'moħħu; perversita’, ribelljoni, u
stinazzjoni fil-qalb u r-rieda; kif ukoll impurita’ fl-emozzjonijiet
kollha tiegħu.
Artiklu 2: IL-FIRXA
TAL-KORRUZZJONI
Barra minn hekk,
bħalma l-bniedem sar wara l-waqa', l-istess tip ta' wlied ukoll
nissel, jiġifieri, bniedem imħassar, tfal imħassra.
Bil-ġudizzju ġust t'Alla, it-taħsir għadda minn Adam
għad-dixxendenti kollha tiegħu (Kristu l-uniku
eċċezzjoni), mhux permezz ta' l-imitazzjoni (kif kienu
jisħqu l-Pelaġjani fl-antik), imma permezz tal-propagazzjoni
tan-natura pervertita.
Artiklu 3: L-INABBILTA’
TOTALI
Għalhekk in-nies
kollha huma konċeputi fid-dnub u mwielda wlied il-għadab,
mhumiex kapaċi jagħmlu xi tajjeb salviviku, huma inklinati
lejn il-ħażen, mejtin fi dnubiethom, u lsiera tad-dnub; u
mingħajr il-grazzja ta' l-Ispirtu s-Santu, li jwelled mill-ġdid,
la jridu u lanqas għandhom ħila jirritornaw għand Alla,
lanqas jikkoreġu d-depravita’ tan-natura tagħhom, jew imqar
jiddisponu lilhom infushom għall-korrezzjoni tagħha.
Artiklu 4: ID-DAWL
TAN-NATURA INADEGWAT
Hemm tabilħaqq
ċertu dawl residwali tan-natura fil-bniedem wara l-waqa', u
minħabba fih għadu jżomm xi konċetti dwar Alla, dwar
ħwejjeġ naturali, u dwar id-differenza bejn ħwejjeġ
onorabbli u baxxi, u juri ċerta stima għall-virtu’ u ordni
esterna. Imma dan id-dawl tan-natura ma jagħmilx lill-bniedem
kapaċi biex jasal għal tagħrif salviviku t'Alla u
jikkonverti lilu nnifsu lejh, tant li lanqas fi ħwejjeġ
naturali u ċivili ma jinqeda bih sewwa. Minflok, b'diversi modi
jikkontaminah għalkollox, hu x'inhu l-karattru tiegħu, u
jissopprimih fl-inġustizzja; u b'dan l-aġir jirrendi lilu
nnifsu bla skuża quddiem Alla.
Artiklu 5: IL-LIĠI
INADEGWATA
Dak li hu veru dwar id-dawl
tan-natura hu veru wkoll dwar l-Għaxar Kmandamenti mogħtija
minn Alla permezz ta' Mose’, pekuljarment lil-Lhud. Għax
il-bniedem ma jistax jottieni grazzja salvivika bid-Dekalogu, għax,
għalkemm jesponi l-kobor ta' dnubu u kulma jmur jikkonvinċih
inkwantu l-ħtija tiegħu, madankollu ma joffrix rimedju jew
jagħtih il-ħila jiskappa mill-miżerja tiegħu, u
billi hu debboli minħabba l-laħam, tħalli lit-trasgressur
taħt is-saħta.
Artiklu 6: IL-POTENZA
SALVIVIKA TA' L-EVANĠELJU
Allura dak li la d-dawl
tan-natura u lanqas il-liġi ma tista' tagħmel, Alla jwettaq
bl-operazzjoni ta' l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Kelma jew il-ministeru
tar-rikonċiljazzjoni. Dan hu l-evanġelju dwar il-Messija, li
bih għoġob 'l Alla jsalva lill-fidili, kemm fil-Patt il-Qadim
kif ukoll fil-Ġdid.
Artiklu 7: IL-LIBERTA’
T'ALLA FL-IRRIVELAR TA' L-EVANĠELJU
Fil-Patt il-Qadim, Alla
kixef dan il-misterju tar-rieda tiegħu lill-għadd ċkejken
biss; fil-Patt il-Ġdid (bid-distinzjoni bejn nies diversi issa
mneħħija), jirrivela lilu nnifsu lil ħafna.
Ir-raġuni għal din id-dispensa m'għandhiex tkun askritta
għad-den superjuri ta' nazzjon wieħed iżjed mill-ieħor,
jew għal użu aħjar tad-dawl tan-natura, iżda
tirriżulta kompletament mill-għoġba sovrana u tajba
t'Alla, u mill-imħabba gratwita tiegħu. Għalhekk, dawk li
jirċievu barka hekk kbira u grazzjuża, lil hinn milli
jistħoqqilhom, jew aktarx minkejja kemm ma jimmeritawhiex, imisshom
jagħrfuha bi qlub umli u grati; u flimkien ma' l-appostlu
għandhom jaduraw, mhux jitkixxfu b'mod inkwiżittiv u
kurjuż, is-severita’ u l-ġustizzja tal-ġudizzji t'Alla
esibita fuq l-oħrajn, li ma tingħatalhomx din il-grazzja.
Artiklu 8: IS-SEJĦA
SERJA TA' L-EVANĠELJU
Madankollu, dawk kollha
msejjħa bl-evanġelju, huma serjament imsejjħa. Għax
Alla serjament u bl-akbar ġenwinita’ wera fil-Kelma dak li
jogħġob lilu, jiġifieri, li l-imsejħin għandhom
jiġu għandu. Saħansitra jwiegħed bis-serjeta’ lil
dawk kollha li jiġu għandu u jemmnu l-mistrieħ
għar-ruħ u l-ħajja eterna.
Artiklu 9:
IR-RESPONSABBILTA’ UMANA GĦAĊ-ĊAĦDA TA' L-EVANĠELJU
Il-fatt li ħafna
msejjħa bil-ministeru ta' l-evanġelju ma jiġux u
jibqgħu mhumiex konvertiti, il-ħtija ta' dan mhix fl-evanġelju,
jew fi Kristu kif offrut fl-evanġelju, jew f'Alla li jsejjaħ
permezz ta' l-evanġelju, u saħansitra jagħnihom b'doni
diversi. It-tort jinsab fl-imsejjħin infushom: xi wħud minnhom,
billi huma traskurati, ma jagħtux kas il-kelma tal-ħajja;
oħrajn jagħtu widen, imma ma jippermettulhiex entratura
fil-qalb, u allura wara l-ferħ għaddieni ta' fidi temporanja,
jaqgħu; oħrajn joħonqu ż-żerriegħa
tal-kelma bix-xewk tat-tħassib u l-pjaċiri tad-dinja, u ma
jipproduċu ebda frott, kif jgħallem is-Salvatur tagħna
fil-parabbola taż-żerriegħa (Mt. 13).
Artiklu 10: IL-KONVERŻJONI
BĦALA L-ĦIDMA T'ALLA
Imma l-fatt li
oħrajn li huma msejjħa bil-ministeru ta' l-evanġelju
jiġu u huma konvertiti m'għandux ikun attribwit lill-bniedem,
bħallikieku hu, permezz ta' rieda ħielsa jiddistingwi lilu
nnifsu mill-bqija, fornuti bi grazzja ugwali jew suffiċjenti
għall-fidi u l-konverżjoni (kif tisħaq l-ereżija
mkabbra ta' Pelagius). Anzi, il-krettu hu t'Alla: li, bħalma mill-eternita’
għażel lil tiegħu fi Kristu, hekk fiż-żmien
effettivament isejjħilhom, jagħtihom il-fidi u l-indiema,
jeħlishom minn taħt id-dominju tad-dlam, u jittrasferihom
għas-saltna ta' Ibnu, sabiex jiddikjaraw it-tifħir tiegħu
li sejjħilhom mid-dlam għad-dawl meraviljuż tiegħu;
u jiftaħru mhux fihom infushom, imma fil-Mulej, kif inhi sikwit it-testimonjanza
appostolika f'diversi nħawi.
Artiklu 11: IX-XOGĦOL
TA' L-ISPIRTU S-SANTU FIL-KONVERŻJONI
Barra minn hekk, meta
Alla jwettaq din l-għoġba tajba tiegħu
fil-magħżulin, jew jaħdem fihom konverżjoni vera,
mhux biss jikkawża li l-evanġelju jkun esternament pridkat
lilhom, u bil-qawwa jilluminalhom moħħhom bl-Ispirtu s-Santu
tiegħu ħalli jifhmu sew u jiddixxernu l-ħwejjeġ ta'
l-Ispirtu t'Alla; imma, bl-operazzjoni effettiva ta' l-istess Spirtu li
jirriġenera, jippervadi sa l-irkejjen l-aktar ġewwiena
tal-bniedem; jiftaħ il-qalb magħluqa, irattab il-qalb imwebbsa,
u jiċċirkonċiża l-qalb bla
ċirkonċiżjoni. Jixħet kwalitajiet ġodda fir-rieda,
u jibdilha minn mejta għal ħajja;u minn waħda
ħażina, diżubbidjenti, u stinata, jirrendiha tajba,
ubbidjenti, u malleabbli; jattwaha u jqawwiha biex hekk, bħal
siġra tajba, tkun kapaċi tipproduċi l-frottijiet ta'
azzjonijiet tajba.
Artiklu 12:
IR-RIĠENERAZZJONI ĦIDMA SOPRANNATURALI
U din hi r-riġenerazzjoni
ċelebrata hekk fl-għoli fl-Iskrittura, u deskritta bħala
ħolqien ġdid, qawmien mill-mewt, att li bih Alla
jagħmilna ħajjin, maħdum fina mingħajrna. Imma dan
ċertament ma jiġrix sempliċament bix-xandir estern ta' l-evanġelju,
bil-persważjoni morali, jew b'xi mod ta' operazzjoni, li wara li
Alla jkun wettaq il-parti tiegħu, jibqa' fis-setgħa
tal-bniedem ikunx riġenerat jew le, ikunx konvertit, jew jibqa'
mhux konvertit. Aktarx, huwa xogħol evidentament soprannaturali
għalkollox, mill-iżjed setgħan, u fl-istess ħin
mill-iżjed għaxxieqi, meraviljuż, misterjuż, u
ineffabbli; mhuwiex inferjuri fl-effikaċja mill-ħolqien, jew
mill-qawmien mill-imwiet, bħalma l-Iskrittura mnebbħa mill-awtur
ta' dil-ħidma tiddikjara. Bħala riżultat, dawk kollha li
Alla jaħdem fi qlubhom b'dan il-mod ta' l-għaġeb, huma
ċertament, infallibbilment, u effettivament imwielda mill-ġdid,
u attwalment jibdew jemmnu. U mbagħad ir-rieda, issa mġedda,
mhux biss hija attwata u motivata minn Alla, imma bħala konsegwenza
ta' din l-influwenza, issir hi nfisha attiva. Minħabba f'hekk ukoll,
il-bniedem jingħad sewwa li jemmen u jindem, sforz il-grazzja li
jkun irċieva.
Artiklu 13:
IL-MOD INKOMPRENSIBBLI TAR-RIĠENERAZZJONI
Il-fidili f'din
il-ħajja mhumiex kapaċi jifhmu għalkollox il-manjiera kif
isseħħ din l-operazzjoni; frattant, jistrieħu sodisfatti
fit-tagħrif u l-esperjenza li b'din il-grazzja t'Alla, jemmnu
bil-qalb u jħobbu s-Salvatur tagħhom.
Artiklu 14: KIF
ALLA JAGĦTI L-FIDI
Hekk, mela, il-fidi hi
l-għotja t'Alla, mhux għax hi offruta minn Alla lir-rieda
tal-bniedem, imma għax fir-realta’ jagħtihielu,
jonfoħha u jitfagħha fih; lanqas saħansitra għax
Alla jagħti biss l-abbilta’ tat-twemmin, u mbagħad jistenna
l-kunsens, jew imqar l-att tat-twemmin, mir-rieda tal-bniedem; imma
għax dak li jaħdem kemm ir-rieda kif ukoll l-għemil, u
tabilħaqq, il-ħwejjeġ kollha f'kulħadd,
jipproduċi fil-bniedem kemm ir-rieda biex jemmen, kif ukoll it-twemmin
innifsu.
Artiklu 15:
REAZZJONIJIET GĦALL-GRAZZJA T'ALLA
Din il-grazzja Alla mhu
obbligat jagħtiha lil ħadd. Għax x'jista' jkun obbligat
jagħti lil dak li minn qabel mhu kapaċi jagħti xejn, biex
hekk jintraddlu lura? Iżjed minn hekk, x'jista' jkun obbligat
jagħtih, li m'għandu xejn inkwantu l-ħwejjeġ
tiegħu (xejn minnu nnifsu), ħlief dnub u falsita’?
Għalhekk kull min jirċievi dik il-grazzja hu obbligat u jrodd
ħajr etern lill-uniku Alla; min ma jirċevihiex, ma jimportah
xejn dwar dawn il-ħwejjeġ spiritwali, u jinsab sodisfatt bih
innifsu, jew inkella, billi hu bla kont, jiftaħar bi frugħa li
jippossiedi xi ħaġa li m'għandux. Iżjed minn hekk,
rigward dawk li esternament jipprofessaw il-fidi tagħhom u jamendaw
ħajjithom, għandna naħsbu dwarhom u nitkellmu b'mod l-iżjed
favorevoli, skond l-eżempju ta' l-appostli, għax l-għamajjar
sigrieti tal-qalb mhumiex mikxufin quddiemna. Jerġa', għal
dawk li għadhom mhumiex imsejjħa, għandna nitolbu 'l Alla,
li jsejjaħ ħwejjeġ li mhumiex bħallikieku huma.
Ċertament, b'ebda mod ma jmissna nkunu arroganti lejhom,
bħallikieku għamilna lilna nfusna differenti.
Artiklu 16: L-EFFETT
TAR-RIĠENERAZZJONI
Imma bħalma
bil-waqgħa l-bniedem m'hediex milli jkun bniedem, mogħni
bl-intellett u r-rieda, u lanqas id-dnub, li ppervada r-razza umana
kollha, ma pprivahx minn natura ta' l-umanita’, imma ddepravah u
spiritwalment qatlu, hekk ukoll din il-grazzja divina tar-riġenerazzjoni
ma toperax fil-bnedmin bħallikieku zkuk mejta jew ħaġar,
u lanqas ma tabolixxi r-rieda u l-propjetajiet tagħha, jew
iġġiegħlha bil-forza kontra l-volonta’ tagħha,
imma spiritwalment tivvivifika, tfejjaq, tikkoreġi u ddawwarha lura
bil-qawwa u fl-istess ħin pjaċevolment. Bħala
riżultat, filwaqt li qabel ir-ribelljoni u l-oppożizzjoni
tal-laħam kienu jeżerċitaw dominju sħiħ, issa
tibda tirrenja ubbidjenza ta' l-Ispirtu, pronta u sinċiera, u fiha
jikkonsisti t-tiġdid u l-liberta’ spiritwali u vera tar-rieda
tagħna. U jekk kemm-il darba dan l-Artiġjan ammirabbli ta'
kull ġid ma jittrattax magħna b'dan il-mod, m'hemm ebda tama
li l-bniedem iqum mill-waqgħa permezz ta' rieda ħielsa, li
biha, meta kien għadu dritt, għaddas lilu nnifsu fir-rovina.
Artiklu 17: L-UŻU
TAL-MEZZI FIR-RIĠENERAZZJONI
Bħalma l-operazzjoni
omnipotenti t'Alla li biha jipproduċi u jsostni din il-ħajja
naturali tagħna, ma teskludix, imma tirrekjiedi l-użu
tal-mezzi, li bihom Alla bl-għerf infinit u t-tjieba tiegħu
ried jeżerċita din is-setgħa tiegħu, hekk ukoll l-operazzjoni
soprannaturali t'Alla diġa’ msemmija, li biha jirriġenerana,
b'ebda mod ma teskludi, jew tħassar l-użu ta' l-evanġelju,
li Alla l-aktar sapjenti ħatar bħala ż-żerriegħa
tar-riġenerazzjoni, u ikel għar-ruħ. Għaldaqstant,
bħalma l-appostli u l-għalliema li ġew warajhom,
b'reverenza taw istruzzjoni lin-nies dwar din il-grazzja t'Alla,
għall-glorja tiegħu, u t-tbaxxija ta' kull kburija, u frattant,
madankollu, ma traskurawx milli jżommuhom bl-ammonizzjonijiet
qaddisa ta' l-evanġelju fl-eżerċizzju tal-Kelma,
tas-sagramenti u d-dixxiplina; hekk ukoll sal-lum, ħa ma jkun qatt
li l-għalliema jew l-istruwiti fil-knisja jippreżumu li
jġarrbu 'l Alla billi jisseparaw dak li hu fl-għoġba
tajba tiegħu għaqqad wisq intimament flimkien. Għax
il-grazzja tingħata permezz ta' l-ammonizzjonijiet; u daqskemm
inkunu pronti fit-twettiq ta' dmirna, il-barka t'Alla li jaħdem
fina hi ġeneralment aktar eminenti, u l-ħidma tiegħu
mbagħad tipproċiedi mill-iżjed favorevolment. Lilu
waħdu jmissna nagħtu l-glorja kollha għal dejjem, kemm
għall-mezzi kif ukoll għall-frott salviviku u l-effettivita’
tagħhom. Amen.
Rifjutar Ta' L-Erruri
Wara li fissirna d-dottrina
ortodossa, aħna bħala Sinodu:
I
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li ma jistax propjament jingħad li d-dnub
oriġinali fih innifsu huwa suffiċjenti biex jikkundanna r-razza
umana kollha, jew biex ikun jistħoqqlu kastig temporali u etern.
Għax dawn
jeħduha kontra l-Appostlu, li jiddikjara: "Minħabba
f'hekk, bħalma permezz ta' bniedem wieħed id-dnub daħal
fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, hekk ukoll għaddiet il-mewt
għall-bnedmin kollha, peress li kollha dinbu" (Rum. 5:12); kif
ukoll: "Il-ġudizzju hu minn offiża waħda
għall-kundanna" (Rum. 5:16); u, "Il-paga tad-dnub hi l-mewt"
(Rum. 6:23).
II
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li kien impossibbli għall-għotjiet
spiritwali, jew il-kwalitajiet tajba u virtujiet, bħalma huma t-tjieba,
il-qdusija u l-ġustizzja, li jkollhom lok fir-rieda tal-bniedem,
meta kien maħluq fil-bidu,u li għaldaqstant kien impossibbli
li jkunu mifruda mir-rieda fil-waqgħa tiegħu.
Għax dan hu
konfliġġenti mad-deskrizzjoni tax-xbieha t'Alla, li
jagħti l-Appostlu fl-Efesin 4:24, fejn jiddikjara li tikkonsisti
fil-ġustizzja u qdusija, li definittivament jgħammru fir-rieda.
III
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li fil-mewt spiritwali l-għotjiet
spiritwali mhumiex separati mir-rieda tal-bniedem, peress li r-rieda
fiha nfisha qatt ma kienet korrotta, iżda biss imfixkla bid-dalma
tal-fehma u l-irregolarita’ ta' l-affezzjonijiet; u li, ladarba
jitneħħa dan ix-xkiel, ir-rieda tkun ħielsa biex
teżerċita l-qawwa nattiva tagħha, jiġifieri, li r-rieda
fiha nfisha kapaċi tkun trid u tagħżel, jew ma tkunx trid
u ma tagħżilx, kwalunkwe tajjeb preżentat lilha.
Din innovazzjoni u
żball, u għandha l-ħabta televa s-setgħat tar-rieda
ħielsa, kuntrarju għad-dikjarazzjoni tal-Profeta: "Il-qalb
qarrieqa aktar minn kollox, u eċċessivament korrotta"
(Ġer.17:9); u ta' l-Appostlu: "Li fosthom (ulied id-diżubbidjenza)
ukoll aħna lkoll ġibna ruħna darba fil-leblibiet ta'
laħamna, nagħmlu x-xewqat tal-laħam u tal-fehmiet" (Ef.
2:3).
IV
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-bniedem mhux riġenerat mhuwiex
realment jew totalment mejjet fid-dnub, u lanqas priv mill-qawwiet
kollha għat-tajjeb spiritwali, imma għadu jista'
jġuħ u jagħtex għall-ġustizzja u l-ħajja,
u joffri s-sagrifiċċju ta' spirtu niedem u miksur, li
jogħġob 'l Alla.
Għax dawn l-opinjonijiet
huma opposti għat-testimonjanza diretta ta' l-Iskrittura. "Intom
kontu mejtin fl-offiżi u fid-dnubiet" (Ef. 2:1, 5); u, "Kull
immaġinazzjoni tal-ħsieb ta' qalbu kienet kontinwament
ħażen biss" (Ġen. 6:5; 8:21).
Barra minn hekk, ikollok
il-ġuħ u l-għatx għall-ħelsien mill-miżerja,
u għall-ħajja, u toffri 'l Alla s-sagrifiċċju ta'
spirtu maqsum, huwa pekuljari għar-riġenerati u dawk
imsejjħa mbierka (Salm 51:10, 17-19; Mt. 5:6).
V
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-bniedem korrott u naturali jista'
jagħmel użu hekk sewwa mill-grazzja komuni (li biha jifhmu d-dawl
tan-natura), jew mill-għotjiet li għad fadallu wara l-waqgħa,
illi kapaċi bl-użu tajjeb tagħhom jikseb gradatament
grazzja ikbar, jiġifieri, il-grazzja evanġelika jew salvivika,
u s-salvazzjoni nfisha. U li b'dan il-mod Alla mil-lat tiegħu juri
lilu nnifsu lest biex jirrevela 'l Kristu lill-bnedmin kollha, peress li
japplika suffiċjentament u effiċjentament lil kulħadd
il-mezzi neċessarji għar-rivelazzjoni ta' Kristu,
għall-fidi u l-indiema.
Għax l-Iskrittura,
biex ma nsemmux l-esperjenza ta' kull żmien, tixhed kemm din hi
ħaġa falza. "Juri Kelmtu lil Ġakobb, l-istatuti u l-ordinanzi
tiegħu lil Iżrael. Ma trattax hekk ma' ebda ġens
ieħor; id-digrieti tiegħu huma ma jafuhomx" (Salm
147:19-20). "Fil-ġenerazzjonijiet mgħoddija ppermetta l-ġnus
kollha jmorru fi triqathom" (Atti 14:16). "U huma (Pawlu u
sħabu) kienu projbiti mill-Ispirtu s-Santu li jitkellmu l-kelma fl-Asja;
imma kif ġew faċċata tal-Misja ttantaw imorru fil-Bitinja,
u l-Ispirtu ta' Ġesu’ ma ppermettilhomx" (Atti 16:6-7).
VI
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li fil-konverżjoni vera tal-bniedem ebda
kwalitajiet ġodda, qawwiet, jew għotjiet ma jistgħu jkunu
infużi minn Alla fir-rieda tiegħu, u li allura l-fidi li biha
aħna konvertiti l-ewwel darba, u li minħabba fiha
nissejħu fidili, mhix kwalita’ jew don infuż minn Alla, imma
biss att tal-bniedem, u li ma tistax tingħad li hi don, ħlief
inkwantu għall-qawwa biex nottienu din il-fidi.
Għax dawn
il-fehmiet jinnegaw l-Iskritturi Mqaddsa, li jiddikjaraw li Alla
jixħet kwalitajiet ġodda ta' fidi, ubbidjenza, u l-esperjenza
ta' mħabbtu fi qlubna: "Inqiegħed il-liġi
tiegħi fl-imħuħ tagħhom, u niktibha fi qlubhom"
(Ġer. 31:33). "Jien insawwab l-ilma fuq min hu għatxan, u
gliegel fuq l-art niexfa; insawwab l-Ispirtu tiegħu fuq nislek"
(Isa. 44:3). "L-imħabba t'Alla kienet imsawwba fi qlubna
permezz ta' l-Ispirtu s-Santu mogħti lilna" (Rum. 5:5).
Jeħduha wkoll kontra l-prattika kontinwa tal-Knisja, li titlob fi
kliem il-profeta hekk: "Dawwarni int, u jien inkun imdawwar" (Ġer.
31:18).
VII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-grazzja li biha aħna konvertiti lejn
Alla mhi xejn ħlief persważjoni ġentili, jew (kif
ifissruha oħrajn), li din hi l-manjiera l-iżjed nobbli ta'
ħidma fil-konverżjoni tal-bniedem u l-iżjed
armonjuża man-natura umana, jiġifieri, dik li sseħħ
permezz tal-persważjoni; u li m'hemm ebda raġuni għala
din il-grazzja morali waħidha m'għandhiex tkun
suffiċjenti biex tagħmel lill-bniedem naturali spiritwali;
tabilħaqq, li Alla ma jipproduċix il-kunsens tar-rieda b'mod
ieħor ħlief bil-metodu morali; u li l-effikaċja
tal-ħidma divina, li biha tisboq il-ħidma ta' Satana,
tikkonsisti fil-fatt illi Alla jwiegħed benefiċċji eterni,
mentri Satana jwiegħed biss temporali.
Imma dan it-tagħlim
hu kompletament Pelaġjan u jmieri l-Iskittura kollha li, minbarra
dan, tirrikonoxxi ħidma oħra, wisq iżjed setgħana u
manjiera divina ta' l-Ispirtu s-Santu fil-konverżjoni tal-bniedem:
"Qalb ġdida wkoll nagħtikom, u spirtu ġdid
inqiegħed fikom; u naqlagħlkom il-qalb
ħaġġarija minn laħamkom, u nagħtikom qalb
tal-laħam" (Eżek. 36:26).
VIII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Alla, fir-riġenerazzjoni tal-bniedem,
ma jużax it-tali setgħat ta' l-omnipotenza tiegħu hekk li
bil-qawwa u infallibbilment jilwi r-rieda tal-bniedem għall-fidi u
l-konverżjoni; imma li mqar meta jkunu twettqu l-għemejjel
kollha tal-grazzja, li Alla jħaddem biex jikkonverti lill-bniedem,
il-bniedem jista' xorta waħda hekk jirreżisti lil Alla u
lill-Ispirtu s-Santu, meta Alla jintenzjona r-riġenerazzjoni
tal-bniedem u jkun irid jirriġenerah, u difatti l-bniedem sikwit
hekk jirreżisti li jfixkel għalkollox ir-riġenerazzjoni
tiegħu; u li għaldaqstant jibqa' fil-poter tiegħu jkunx
riġenerat jew le.
Għax dan mhu xejn
inqas minn abjurazzjoni ta' l-effikaċja tal-grazzja t'Alla
fil-konverżjoni tagħna, u ssuġġettar tal-ħidma
ta' Alla Omnipotenti għar-rieda tal-bniedem, li hi kuntrarja
għad-dottrina appostolika: "Li nemmnu skond il-qawwa
tal-potenza tas-saħħa tiegħu" (Ef. 1:19). "Alla
... jwettaq kull għoġba ta' tjieba u xogħol ta' fidi
bis-setgħa" (II Tess. 1:11). Kif ukoll: "Is-setgħa
divina tiegħu tatna b'xejn il-ħwejjeġ kollha
għall-ħajja u pjeta’" (II Pt. 1:3).
IX
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-grazzja u r-rieda ħielsa huma
kawżi parzjali, li flimkien jaħdmu l-bidu tal-konverżjoni,
u li l-grazzja, fl-ordni ta' kawżalita’, ma tippreċedix ix-xogħol
tar-rieda; jiġifieri, li Alla ma jgħinx effiċjentament
ir-rieda tal-bniedem għall-konverżjoni qabel ma r-rieda
tal-bniedem tiċċaqlaq u tiddetermina li tagħmel dan.
Għax żmien
twil ilu l-Knisja bikrija kkundannat din id-dottrina fil-Pelaġjani,
minn kliem l-Apposltu: "Hekk mela mhux minn dak li jrid lanqas minn
dak li jiġri, iżda minn dak li jħenn, Alla" (Rum.
9:16). Bl-istess sens: "Għax min jiddistingwik mill-oħrajn?
U x'għandek li ma rċevejtx?" (I Kor. 4:7). Ukoll: "Alla
hu dak li jopera fikom kemm ir-rieda u l-operazzjoni
għall-għoġba tiegħu" (Fil. 2:13).
Il-Ħames Punt
Ewlieni Ta' Dottrina
Il-Perseveranza
Tal-Qaddisin
Artiklu 1:
IR-RIĠENERATI MHUMIEX ĦIELSA MID-DNUB GĦALKOLLOX
Lil dawk li Alla
jsejjaħ, skond il-għan tiegħu, għall-komunjoni ma'
Ibnu, Sidna Ġesu’ Kristu, u jirriġenerahom bl-Ispirtu
s-Santu, tabilħaqq ukoll jeħlishom mid-dominju u l-jasar tad-dnub,
imma mhux għalkollox mil-laħam u mill-ġisem tad-dnub
f'din il-ħajja.
Artiklu 2:
IR-REAZZJONI TAL-FIDIL GĦAD-DNUBIET TA' DGĦUFIJA
Għalhekk jitqanqlu
ta' kuljum dnubiet ta' debolizza, u ma' l-aħjar għemejjel
tal-qaddisin jeħlu t-tbajja; li kontinwament jikkawżawhom
jumiljaw lilhom infushom quddiem Alla, u jtiru għall-kenn lejn
Kristu msallab; kulma jmur jimmortifikaw il-laħam bl-Ispirtu tat-talb,
u b'taħriġ qaddis fit-tjieba; u jixxenqu lejn it-tmiem
tal-perfezzjoni, sakemm fl-aħħar ikunu meħlusa minn dan
il-ġisem tal-mewt, u jirrenjaw mal-Ħaruf t'Alla fis-smewwiet.
Artiklu 3: ALLA
JIPPRIŻERVA LILL-KONVERTITI
Minħabba dawn
il-fdalijiet ta' dnub li jgħammar fihom, kif ukoll minħabba l-attakki
tad-dinja u ta' Satana, dawk konvertiti ma jkunux kapaċi
jibqgħu wieqfa f'dik il-grazzja, kieku jitħallew
għall-qawwa tagħhom stess. Imma Alla fidil, li fi ħnientu
jikkonfermahom fil-grazzja ladarba tingħatalhom, u bis-setgħa
jippriżervahom fiha sat-tmiem.
Artiklu 4: IL-PERIKLU
LI FIDILI VERI JAQGĦU FI DNUBIET SERJI
Madankollu,
għalkemm il-qawwa t'Alla li tikkonferma u tippriżerva l-kredenti
veri fil-grazzja hi akbar mil-laħam hekk li ma tistax
tingħeleb minnu, xorta waħda l-konvertiti mhumiex dejjem
attwati u influwenzati minn Alla hekk li ma jkunux jistgħu,
f'ċerti azzjonijiet partikolari, jerġgħu lura, tort
tagħhom, mill-gwida tal-grazzja, u jkunu sedotti mil-leblibiet
tal-laħam, u jċedu għalihom. Għaldaqstant, huma
nfushom jeħtiġilhom ikunu kostantement viġilanti u
jitolbu, li ma jiddaħħlux fit-tiġrib. Meta ma
jagħmlux hekk, mhux biss jistgħu jkunu miġbuda mil-laħam,
mid-dinja u Satana, fi dnubiet anke gravi u atroċi, imma
saħansitra bil-permess ġust t'Alla jisfaw kultant imkaxkra.
Dan hu esibit fil-waqgħat malinkoniċi ta' David, ta' Pietru u
qaddisin oħra, kif deskritti fl-Iskrittura Mqaddsa.
Artiklu 5: L-EFFETTI
TA' DAWN ID-DNUBIET SERJI
Bit-tali dnubiet enormi,
madankollu, joffendu immensament lil Alla, jikkuntrattaw ħtija
tal-mewt, inikktu lill-Ispirtu s-Santu, jinterrompu l-eżerċizzju
tal-fidi, ifieru severament il-kuxjenzi tagħhom, u kultant jitilfu
s-sens tal-grazzja t'Alla għal xi żmien, sakemm, wara li
b'indiema ħerqana jkunu rritornaw fit-triq tal-ħajja,
il-wiċċ patern t'Alla jiddi fuqhom għal darb' oħra.
Artiklu 6: L-INTERVENT
SALVIVIKU T'ALLA
Għax Alla, li hu
għani fil-ħniena, mill-għan immutabbli tiegħu ta' l-għażla,
ma jirtirax għalkollox l-Ispirtu s-Santu minn niesu, imqar
fil-waqgħa malinkonika tagħhom; lanqas iħallihom
jiżolqu sa dak il-punt li jaqgħu 'l barra mill-grazzja ta' l-adozzjoni
u l-istat tal-ġustifikazzjoni, jew li jikkommettu d-dnub
għall-mewt, jew kontra l-Ispirtu s-Santu, u, abbandunati totalment
minnu, jarmu lilhom infushom fir-rovina dejjiema.
Artiklu 7:
TIĠDID GĦALL-INDIEMA
Għax, l-ewwelnett,
f'dawn il-waqgħat jippriżerva fihom
iż-żerriegħa immortali tiegħu nnifsu, li minnha huma
riġenerati, li ma tmurx tintilef jew tinxteħet barra; u
jerġa', permezz tal-Kelma u l-Ispirtu tiegħu ċertament u
effettivament iġeddidhom għall-indiema, biex jagħlu
sinċerament għal Alla minħabba d-dnubiet li kkommettew,
biex permezz tal-fidi, b'qalb sogħbiena, jixtiequ u jottienu l-maħfra
fid-demm tal-Medjatur, biex jesperjenzaw għal darb' oħra l-favur
t'Alla, billi issa huma rikonċiljati, biex permezz tal-fidi jaduraw
il-ħniniet tiegħu, u biex minn dakinhar 'l hemm jaħdmu
b'diliġenza akbar is-salvazzjoni tagħhom stess bil-biża'
u t-tregħid.
Artiklu 8:
IĊ-ĊERTEZZA TA' DIN IL-PRIŻERVAZZJONI
Hekk mhux bil-merti jew
bil-qawwa tagħhom, imma mill-ħniena ħielsa t'Alla, li ma
jaqgħux totalment mill-fidi u l-grazzja, u lanqas jibqgħu
b'finalita’ fil-waqgħat tagħhom jew jintilfu; li,
ikkonsidrati fihom infushom, mhux biss jista' faċilment
jiġrilhom dan, imma wkoll indubjament hekk jiġrilhom; imma
inkwantu Alla, dan hu assolutament impossibbli, ġaladarba l-fehma
tiegħu ma tistax tinbidel, il-wegħda tiegħu ma tfallix, u
lanqas tista' s-sejħa skond il-għan tiegħu tkun revokata,
u lanqas il-mertu, l-interċessjoni u l-kustodja ta' Kristu jisfaw
ineffettivi, jew l-issiġillar ta' l-Ispirtu s-Santu jkun frustrat
jew invalidat.
Artiklu 9: L-ASSIGURAZZJONI
TA' DIN IL-PRIŻERVAZZJONI
Dwar din
iż-żamma tal-magħżulin għas-salvazzjoni, u l-perseveranza
tal-kredenti veri fil-fidi, il-kredenti nfushom jistgħu jkunu
ċerti, u huma ċerti skond il-miżura tal-fidi, li biha
ċertament jemmnu li huma u dejjem se jibqgħu membri veri u
ħajjin tal-knisja, li għandhom il-maħfra tad-dnubiet u l-ħajja
eterna.
Artiklu 10: IL-BAŻI
TA' DIN L-ASSIGURAZZJONI
Għaldaqstant din l-assigurazzjoni
mhix minn xi rivelazzjoni privata maġenb jew barra mill-Kelma
t'Alla; imma titnissel mill-fidi fil-wegħdi t'Alla, li f'Kelmtu
wisq bil-kotra għall-faraġ tagħna rrivelalna;
mit-testimonjanza ta' l-Ispirtu s-Santu, li jixhed ma' l-ispirtu
tagħna, li aħna wlied u werrieta t'Alla (Rum. 8:16-17); u fl-aħħar
minn taħriġ imħeġġeġ u qaddis ta' kuxjenza
safja u opri tajba. U kieku l-magħżulin t'Alla f'din id-dinja
jisfaw privi minn dan il-konfort solidu, li finalment għad jiksbu
r-rebħa, u minn dan ir-rahan infallibbli ta' glorja eterna, ikunu
l-iżjed miżerabbli fost il-bnedmin kollha.
Artiklu 11: DUBJI
RIGWARD DIN L-ASSIGURAZZJONI
Frattant l-Iskrittura
tixhed li l-fidili f'din il-ħajja jkollhom jissaraw ma' diversi
dubji karnali, u li waqt tentazzjonijiet qliel mhumiex dejjem sensibbli
għal din l-assigurazzjoni sħiħa tal-fidi u ċertezza
ta' perseveranza. Imma Alla, il-Missier ta' kull faraġ, ma
jħallihomx ikunu mġarrba iżjed milli jifilħu, imma
mat-tiġrib jiftħilhom triq biex jaħarbu (I Kor. 10:13), u
bl-Ispirtu s-Santu jerġa' jqanqal fihom iċ-ċertezza
tal-perseveranza.
Artiklu 12: L-ASSIGURAZZJONI
BĦALA INĊENTIV GĦAT-TJIEBA
Din
iċ-ċertezza tal-perseveranza, madankollu, mhux talli ma
teċitax fil-fidili spirtu ta' kburija, jew tirrendihom karnalment
sikuri, imma għall-kuntrarju, hi s-sors reali ta' l-umilta’,
reverenza bħal tat-tfal, tjieba ġenwina, sabar f'kull
tribulazzjoni, talb ferventi, sodizza fit-tbatija, u fl-istqarrija
tal-verita’, u ta' ferħ solidu f'Alla: hekk li l-konsiderazzjoni
ta' dan il-benefiċċju hu inċentiv għall-prattika
serja u kostanti ta' radd il-ħajr u opri tajba, kif jidher
mit-testimonjanzi ta' l-Iskrittura, u l-eżempji tal-qaddisin.
Artiklu 13: L-ASSIGURAZZJONI
MA TĦAJJARX IT-TRASKURAĠNI
Lanqas saħansitra
f'dawk restawriti minn xi rkadatura din il-konfidenza mġedda ta'
perseveranza ma tipproduċi l-libertinaġġ, jew ħsara
għat-tjieba; imma tirrendihom wisq iżjed attenti u
lħiħa ħalli jissoktaw fil-mogħdijiet tal-Mulej
mħejjija minnu, biex billi jimxu fihom iżommu l-assigurazzjoni
tal-perseveranza; li ma jiġrilhomx, li minħabba l-abbuż
tal-beninnita’ paterna wiċċ Alla propizzjuż (li
għat-tajbin il-kontemplazzjoni tiegħu hi oħla mill-ħajja,
u l-ħabi tiegħu iżjed morr mill-mewt) għal darb'
oħra jiddawwar 'l hemm minnhom, u hekk jaqgħu f'turment tar-ruħ
iżjed gravi.
Artiklu 14: ALLA
JUŻA L-MEZZI FIL-PERSEVERANZA
Barra minn hekk, sewwa
sew bħalma għoġob lil Alla jibda din il-ħidma ta'
grazzja tiegħu fina bix-xandir ta' l-evanġelju, hekk permezz
tas-smigħ, qari, meditazzjoni, eżortazzjonijiet, theddid, u
wegħdi ta' l-evanġelju, kif ukoll bl-użu tas-sagramenti,
jippriżervaha, ikompliha, u jipperfezzjonaha.
Artiklu 15:
REAZZJONIJIET KONTRASTATI GĦALL-VERITA’ DWAR IL-PERSEVERANZA
Din id-dottrina rigward
il-perseveranza tal-qaddisin u fidili, u ċ-ċertezza
tagħha, li Alla, għall-glorja t'Ismu stess u l-konsolazzjoni
ta' rwieħ twajba, irrivelaha abbondantament fil-Kelma tiegħu u
jimpressjonaha fuq qlub il-fidili, il-laħam ma jifhimhiex, Satana
jobgħodha, id-dinja tirredikolaha, l-injoranti u l-ipokriti
jkagħsbruha, u spirti erranti jopponuha. Imma l-għarusa ta'
Kristu dejjem ħabbitha bħala teżor ta' valur inestimabbli,
u ddefendietha konsistentament; u Alla, li kontra tiegħu ebda pjan
ma jirnexxi u ebda potenza ma tegħleb, jieħu ħsieb li
tibqa' tagħmel hekk. Lil dan Alla, il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu
s-Santu, ikun il-ġieħ u s-sebħ għal dejjem. Amen.
Rifjutar Ta' L-Erruri
Wara li fissirna d-dottrina
ortodossa, aħna bħala Sinodu:
I
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-perseveranza ta' dawk verament fidili
mhix effett ta' l-għażla, jew għotja t'Alla, miksuba
bil-mewt ta' Kristu, imma kondizzjoni tal-patt il-ġdid, li l-bniedem
qabel (kif isejħulhom huma) l-għażla deċiżiva u
l-ġustifikazzjoni jeħtieġlu jwettaq permezz tar-rieda
ħielsa tiegħu.
Għax l-Iskrittura
Mqaddsa tixhed li l-perseveranza tnixxi mill-għażla, u
mogħtija lill-magħżulin minħabba l-mewt, il-qawmien
u l-interċessjoni ta' Kristu: "L-għażla kisbitu; u
l-bqija kienu mxarrfa" (Rum. 11:7). Kif ukoll: "Li
tabilħaqq ma ffrankahiex lil Ibnu stess, iżda telqu
għalina lkoll, kif mhux se jagħtina gratwitment ukoll
miegħu l-ħwejjeġ kollha? Min se jixli xi ħaġa
kontra l-magħżulin t'Alla? Alla hu dak li
jiġġustifika; min hu li jikkundanna? Kristu Ġesu’ hu li
miet, imma aktarx kien imqajjem, li hu fuq il-leminija t'Alla, li wkoll
jinterċiedi għalina. Min se jifridna mill-imħabba
tal-Kristu?" (Rum. 8:31-35).
II
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Alla tabilħaqq jipprovdi lill-fidil
b'qawwiet suffiċjenti biex jippersevera, u jinsab lest li
jippriżerva dawn fih jekk jagħmel dmiru: madankollu meta dawk
il-ħwejjeġ kollha neċessarji għall-perseveranza
fil-fidi u li Alla jrid iħaddem għall-ippriżervar
tal-fidi jkunu tpoġġew fl-operazzjoni, imbagħad dejjem
jiddependi fuq l-għażla ħielsa tar-rieda jekk
jipperseverax jew le.
Għax din il-fehma
hi evidentament Pelaġjana; u filwaqt li tixtieq tagħmel
lill-bnedmin liberi, tagħmilhom sagrilegi, kuntrarju
għall-kunsens bla miksur tad-dottrina evanġelika, li
tneħħi mill-bniedem kull raġun għall-iftaħir u
tassenja t-tifħir għal dan il-benefiċċju
lill-grazzja divina waħidha; u tikkontradixxi wkoll it-testimonjanza
ta' l-Appostlu: "Li wkoll se jikkonfermakom sat-tmiem bla tixlija
fil-jum ta' Sidna Ġesu’ Kristu" (I Kor. 1:8).
III
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-kredenti ġenwini - dawk
riġenerati - mhux biss jistgħu jaqgħu mill-fidi li
tiġġustifika, kif ukoll mill-grazzja u s-salvazzjoni totalment
u finalment, imma difatti sikwit jaqgħu minn dawn u jintilfu
għal dejjem.
Għax dan
il-konċett jirrendi ineffettiva l-grazzja tal-ġustifikazzjoni
u r-riġenerazzjoni, u ż-żamma kontinwa ta' Kristu,
kuntrarju għall-kliem espliċitu ta' l-Appostlu Pawlu: "Alla
jirrikmanda l-imħabba tiegħu nnifsu lejnna, billi filwaqt li
konna għadna midinbin, Kristu miet għalina. Bil-wisq
iżjed mela, billi issa konna ġġustifikati bid-demm
tiegħu, se nkunu salvati permezz tiegħu mir-rabja" (Rum.
5:8-9). U kuntrarju għall-Appostlu Ġwanni: "Kull min hu
mnissel minn Alla ma jagħmilx dnub, għax
iż-żerriegħa tiegħu tibqa' fih; u ma jistax jidneb,
għax hu mnissel minn Alla" (I Ġw. 3:9). Kif ukoll
jinnegaw kliem Ġesu’ Kristu: "Jien nagħtihom ħajja
eterna, u b'ebda mod ma jintilfu, qatt, u ħadd mhu se
jaħtafhom minn idi. Missieri li tahomli hu ikbar minn kulħadd,
u ħadd ma jista' jaħtafhom minn id il-Missier" (Ġw.
10:28-29).
IV
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li kredenti veri u riġenerati
jistgħu jidinbu d-dnub għall-mewt jew kontra l-Ispirtu s-Santu.
Għax l-istess
Appostlu Ġwanni, wara li jsemmi 'l dawk li jikkommettu d-dnub li
jwassal għall-mewt u jipprojbixxi t-talb għalihom, iżid
minnufih: "Nafu illi kull min hu mnissel minn Alla ma jidnibx (jiġifieri
dnub ta' dik ix-xorta), iżda l-imnissel minn Alla jżommu, u l-ħażin
ma jmissux" (I Ġw. 5:16-18).
V
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li f'din il-ħajja ma jista' jkollna ebda
ċertezza ta' perseveranza futura mingħajr rivelazzjoni
speċjali.
Għax b'din id-dottrina
il-faraġ solidu tal-fidili veri f'din il-ħajja
jittiħdilhom, u l-iddubitar tal-papisti huwa introdott għal
darb' oħra fil-knisja. L-Iskritturi Mqaddsa, madankollu, f'diversi
nħawi jidderivu din l-assigurazzjoni, mhux minn rivelazzjoni
speċjali u straordinarja, imma mill-marki proprji ta' wlied Alla u
mill-promessi fidilissmi t'Alla. Hekk speċjalment l-Appostlu Pawlu:
"Lanqas kwalunkwe ħlejqa oħra mhi se tkun tista' tifridna
mill-imħabba t'Alla fi Kristu Ġesu’ Sidna" (Rum. 8:39).
U Ġwanni jiddikjara: "Min iżomm il-kmandamenti
tiegħu jibqa' fih u hu fih; u b'dan nafu illi jibqa' fina, mill-Ispirtu
li tana" (I Ġw. 3:24).
VI
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li d-dottrina taċ-ċertezza
tal-perseveranza u tas-salvazzjoni, mill-karattru u n-natura tagħha
stess, hi mħadda għal-laħam, u hi inġurjuża
għad-devozzjoni u morali tajba, għat-talb u taħriġ
qaddis ieħor, imma li, għall-kuntrarju, l-iddubitar dwar dawn
huwa ta' min ifaħħru.
Għax dawn juru li
ma jafux il-qawwa tal-grazzja divina u l-ħidma ta' l-Ispirtu
s-Santu li jgħammar fina. U jikkontradixxu lill-Appostlu
Ġwanni, li jgħallem l-oppost fi kliem espliċitu: "Maħbubin,
issa aħna tfal t'Alla, u għadu ma kienx immanifestat x'se
nkunu. Nafu illi jekk ikun immanifestat, se nkunu nixbħuh,
għax se narawh bħalma hu. U kull min għandu din it-tama
fih isaffi lilu nnifsu bħalma dak hu safi" (I Ġw. 3:2-3).
Barra minn hekk, huma rifjutati mill-eżempju tal-qaddisin, kemm
fil-Patt il-Qadim kif ukoll fil-Ġdid, li għalkemm kienu
assigurati mill-perseveranza u s-salvazzjoni tagħhom, madankollu
kienu kostanti fit-talb u eżerċizzji oħra tat-tjieba.
VII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li l-fidi ta' dawk li jemmnu għal xi
żmien mhix differenti mill-fidi li tiġġustifika u ssalva
ħlief fit-tul biss.
Għax Kristu nnifsu,
f'Mattew 13:20-23, Luqa 8:13-15 u nħawi oħra, evidentament
jistabbilixxi, minbarra din, differenza tripla bejn dawk li jemmnu biss
temporanjament u l-fidili ġenwini, meta jiddikjara li ta' l-ewwel
jirċievu ż-żerriegħa fuq art
ħaġġarija, imma tat-tieni fuq art jew qalb tajba; li dawk
huma bla għeruq, imma dawn għandhom għeruq fermi; li dawk
huma bla frott, imma dawn jipproduċu l-frott tagħhom
f'miżuri diversi, fedelment u bil-perseveranza.
VIII
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li mhix ħaġa assurda li persuna,
wara li tkun tilfet l-ewwel riġenerazzjoni tagħha, terġa'
tkun imwielda mill-ġdid, imqar sikwit.
Għax b'dan it-tagħlim
jiċħdu l-inkorruttibilita’ taż-żerriegħa
t'Alla, li biha aħna mwielda mill-ġdid, kuntrarju
għat-testimonjanza ta' l-Appostlu Pietru: "Imnisslin mill-ġdid
mhux minn żriegħ korruttibbli iżda inkorruttibbli"
(I Pt. 1:23).
IX
Niċħdu l-erruri
ta' dawk li jgħallmu li Kristu mkien ma talab
għall-perseveranza infallibbli fil-fidi.
Għax jikkontradixxu
'l Kristu nnifsu meta jgħid: "Jien tlabt għalik, biex
il-fidi tiegħek ma tonqosx" (Lq. 22:32); u
lill-Evanġelista Ġwanni, li jiddikjara, li Kristu ma talabx
biss għall-Appostli, iżda wkoll għal dawk li kellhom
jemmnu permezz ta' kelmithom: "Missier qaddis, żommhom f'ismek,"
u: "Ma nirrikjestax illi tneħħihom mid-dinja, iżda
li żżommhom mill-ħażin" (Ġw. 17:11, 15,
20).
KONKLUŻJONI
Rifjutar Ta' Akkużi
Foloz
Din hi l-ispjegazzjoni
perspekwa, sempliċi, u ċara tad-dottrina ortodossa rigward
il-ħames artikli disputati fil-knejjes Belġiċi; u r-rifjutar
ta' l-erruri, li bihom kienu għal xi żmien disturbati. Is-Sinodu
jiġġudika li dan it-tagħlim hu meħud mill-Kelma
t'Alla, u jaqbel ma' l-istqarrijiet tal-knejjes Riformisti.
Għalhekk huwa evidenti li xi wħud, b'imġieba li xejn ma
kienet tixirqilhom, ħaduha kontra kull verita’, ekwita’, u
karita’, filli xtaqu jipperswadu lill-pubbliku biex jemmen:
- li d-dottrina
tal-knejjes Riformisti rigward il-predestinazzjoni, u l-punti
assoċjati magħha, minn natura u t-tendenza tagħha,
għandha ħabta twarrab l-imħuħ tan-nies minn kull
tjieba u reliġjon; li hi loppju amministrat mil-laħam u x-xitan,
u hi l-fortizza ta' Satana, fejn jissajja għal kulħadd; u li
minnha jġerraħ ġmiegħi kbar, u fatalment jinfed
ħafna minnhom bil-vleġeġ tad-disprament u sigurta’
fihom infushom;
- li tagħmel 'l
Alla l-awtur tad-dnub, inġust, tiranniku, u ipokritu; li mhi xejn
ħlief Stoiċiżmu, Manikejiżmu, Libertiniżmu u
Mawmettaniżmu interpolat;
- li tirrendi l-bnedmin
karnalment sikuri, peress li biha huma persważi li xejn ma jista'
jfixkel is-salvazzjoni tal-magħżulin, jgħixu kif
jgħixu; u għalhekk jistgħu faċilment u bla ebda
periklu jikkommettu delitti l-iżjed atroċi; u li mill-banda l-oħra,
jekk ir-reprobati jwettqu verament l-opri kollha tal-qaddisin, l-ubbidjenza
tagħhom ma tikkontribwixxi xejn affattu għas-salvazzjoni
tagħhom;
- li din l-istess
dottrina tgħallem li Alla, b'sempliċi att arbitrarju tar-rieda
tiegħu, mingħajr l-iċken kas jew konsiderazzjoni ta'
kwalunkwe dnub, ippredestina l-ikbar parti tad-dinja
għad-dannazzjoni eterna; u ħalaqhom għal dan l-istess
għan; li bl-istess mod kif l-għażla hi l-funtana u l-kawża
tal-fidi u l-opri tajba, ir-reprobazzjoni hi l-kawża ta' l-inkredulita’
u n-nuqqas ta' reverenza;
- li bosta trabi
tal-fidili huma maħtufa, bla ħtija, minn ħobb ommhom, u
tirannikament mixħuta fl-infern, hekk li d-demm ta' Kristu u t-talb
tal-knisja ma jiswielhom xejn.
Ma' dawn nistgħu
nżidu ħafna xiljiet oħra ta' l-istess xorta, li l-knejjes
Riformisti mhux biss ma jirrikonoxxux, iżda saħansitra
jidditestaw minn qalbhom.
Għaldaqstant dan
is-Sinodu ta' Dordrecht, f'isem il-Mulej, isejjaħ bi ħrara lil
dawk kollha li b'devozzjoni jinvokaw isem is-Salvatur tagħna
Ġesu’ Kristu, biex jifformaw il-ġudizzju tagħhom dwar
il-fidi tal-knejjes Riformisti, mhux mill-kalunnji li minn kull
naħa huma mormija bil-gzuz fuqhom, lanqas mill-espressjonijiet
privati ta' xi wħud fost l-għalliema moderni kif ukoll ta' l-antik
(sikwit kwotati b'diżonesta’, jew korrotti, jew
mgħawwġa biex jirrendu tifsira barranija għall-intenzjoni
tagħhom), imma mill-istqarrijiet pubbliċi tal-knejjes infushom,
u mid-dikjarazzjoni tad-dottrina ortodossa, ikkonfermata mill-kunsens
unanimu ta' kull membru fis-Sinodu kollu.
Barra minn hekk, is-Sinodu
jwissi l-kalunnjaturi nfushom ħalli jqisu l-ġudizzju terribbli
t'Alla merfugħ għal dawk li jagħtu xhieda falza kontra l-istqarrijiet
ta' daqstant knejjes, għal dawk li jħabbtu l-kuxjenzi tad-debboli,
u jfittxu jippreġudikaw l-imħuħ kontra x-xirka ta' fidili
veri.
Finalment, dan is-Sinodu
jeżorta lill-aħwa kollha fl-evanġelju ta' Kristu biex
jikkondottaw lilhom infushom bi tjieba u reverenza fejn tidħol din
id-dottrina, kemm fl-istituzzjonijiet akkademiċi kif ukoll
fil-knejjes; biex jidderiġuha, bid-diskors u l-kitba,
għas-sebħ ta' l-Isem Divin, għall-qdusija fil-ħajja,
u l-faraġ ta' rwieħ ansjużi; biex jirregolaw,
bl-Iskrittura, skond l-analoġija tal-fidi, mhux biss is-sentimenti
tagħhom, iżda wkoll ilsienhom; u biex jastjienu milli
jużaw frażijiet li jeċċiedu l-limiti li
jeħtieġ ikunu osservati fl-iżgurar tas-sens ġenwin
ta' l-Iskritturi mqaddsa, ħalli hekk ma jfornux lis-sofisti
insolenti bi skuża ġusta biex jassaltaw vjolentament jew
saħansitra jivvilifikaw id-dottrina tal-knejjes Riformisti.
Ħa
jogħġbu Ġesu’ Kristu, Bin Alla, li, bil-qiegħda
fuq il-leminija tal-Missier, jagħti doni lill-bnedmin, iqaddisna
fil-verita’, iressaq lejn il-verita’ lil dawk li jiżbaljaw,
isikket fomm in-nies li jikkalunjaw dottrina b'saħħitha, u
jagħni lill-ministri fidili ta' Kelmtu bl-ispirtu ta' l-għerf
u d-diskrezzjoni, biex id-diskors kollu tagħhom iwassal
għall-glorja t'Alla, u l-edifikazzjoni tas-semmiegħa. Amen.
Niċċertifikaw
li din hi l-fidi u d-deċiżjoni tagħna billi
nniżżlu isimna.
(Hawnhekk jidhru l-ismijiet,
mhux biss tal-President, l-Assistent President, is-Segretarji tas-Sinodu,
u l-Professuri tat-Teoloġija fil-Knejjes Olandiżi, imma wkoll
tal-Membri deputati lis-Sinodu, bħala r-Rappreżentanti
tal-Knejjes rispettivi tagħhom, jiġifieri, tad-Delegati mill-Gran
Brittanja, il-Palatinat Elettorali, Hessia, l-Isvizzera, Wetteraw, -
ir-Repubblika u l-Knisja ta' Ġinevra, - ir-Repubblika u l-Knisja ta'
Bremen, - ir-Repubblika u l-Knisja ta' Emden, - id-Dukat ta' Gelderland
u ta' Zutphen, - l-Olanda tan-Nofisnhar, - l-Olanda tat-Tramuntana, -
Zeeland, - il-Provinċja ta' Utrecht, - Friesland, - Transylvania, -
l-Istat ta' Groningen u Omland, - Drent, - il-Knejjes Franċiżi.)
Fis-seklu 17 ħames
veritajiet kbar, formulati minn suċċessuri tar-Riformisti
fis-Sinodu ta' Dort biex jopponu kompromess u tluq serju mill-Evanġelju,
intrabtu ma' l-isem tar-Reformista Ġinevrin li kien miet nofs seklu
qabel. Għall-ewwel it-tikketta 'Kalviniżmu' kienet tattika
propagandistika minn naħa ta' l-avversarji, imma billi d-difensuri
tal-Fidi miksuba mir-Riforma għarfu li setgħet tkun
imsejjħa b'isem ieħor, waslu biex aċċettaw it-terminu
bħala referenza għal dawk id-dottrini li jqiegħdu
lill-bniedem f'dipendenza sħiħa fuq il-grazzja sovrana u
ħielsa t'Alla għas-salvazzjoni.
F'dan il-ktejjeb insibu
għall-ewwel darba fl-ilsien Malti l-espożizzjoni
oriġinali tas-Sinodu li kien tlaqqa' fl-Olanda fl-1618-19.
Spurgeon, il-predikatur Ingliż, ikkummenta dwar dawn il-ħames
punti hekk: "Il-verita’ qadima li priedka Kalvinu, li priedka
Wistin, li priedka Pawlu, hi l-verita’ li jeħtieġli
nippriedka llum, jew inkella nittradixxi lill-kuxjenza tiegħi u 'l
Alla tiegħi. Ma nistax insawwar il-verita’. Ma nafx
x'jiġifieri nillima l-kantunieri raffi ta' xi dottrina ...
Inħobb nipproklama dawn id-dottrini antiki u qawwija mlaqqma
Kalviniżmu, imma li ċertament u verament huma l-verita’
rivelata t'Alla kif inhi fi Kristu Ġesu.’"
Copied by
permission.
Traduzzjoni ta'
Paul Mizzi. Il-jeddijiet kollha mizmuma.
Ebda parti minn dan il-ktieb ma tista' tigi riprodotta f'xi forma
minghajr il-permess bil-miktub tat-traduttur (http://www.tecmalta.org/).
Għal
aktar kitbiet bil-Malti ikklikkja hawn.
Per risorse in
italiano, clicca qui.